Iwieġeb lil Mallia: “Lest li mmur il-ħabs għax nikxef il-verità”

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, David Casa, qal li lest imur il-ħabs jekk dan ifisser li jkun qed jikxef dik li qed isejħilha “verità”.
Casa kien qed jirreaġixxi għal dak li qal dalgħodu l-eksministru, Manwel Mallia, waqt attività tal-Partit Laburista fil-Każin tal-PL f’Ħal Qormi.
Hawnhekk Mallia sostna li huwa att kriminali li jkollok fil-pussess tiegħek dokumenti tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), u allura jekk Casa jippreżenta l-evidenza li toħroġ minn dan id-dokument fil-Qorti, ikun qed “jinkrimina lilu nnifsu”, skont Mallia.
Għada Casa mistwenni jixhed il-Qorti dwar dan id-dokument, liema talba saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja.
Ilbieraħ l-Ewroparlamentari qal fi stqarrija se jkun qed jieħu l-ġurament nhar għada fid-9am. Huwa tenna li għandu fiduċja fil-ġudikatura Maltija bħala l-aħħar tama għall-poplu Malti.
Madankollu l-intervent tiegħu dalgħodu f’Ħal Qormi, Mallia ma semmiex lil Casa b’ismu.
Dan tal-aħħar dejjem sostna li l-informazzjoni li għandu f’dan id-dokument li żgiċċa mill-FIAU, hi biżżejjed biex il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, jirriżenja minnufih.
Ilbieraħ il-Ministru Mizzi rribatta għall-istqrrija ta’ Casa, billi qallu, fost l-oħrajn, li Casa ossessjonat bih tas-suċċessi li kellu fil-qasam tal-enerġija u l-Airmalta.
Fil-post fuq Facebook li tella' llum, Casa qal li huwa tal-mistħija li eks-Ministru għall-Pulizija juża l-liġi biex jostor l-attivitajiet, deskritti minnu "kriminali", tal-kollegi tiegħu.