Iwieġeb ħati li sawwat lil ommu

Raġel miż-Żurrieq wieġeb ħati għall-akkużi li sawwat u beżża’ lil ommu.

Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena deher quddiem il-Maġistrat Monica Vella dalgħodu taħt l-akkużi li weġġa’ kemxejn lil ommu u ġegħilha tgħix f’biża’ kostanti ta’ vjolenza.

Huwa nħeles mill-arrest sakemm isir rapport ta’ qabel tingħata s-sentenza. Il-ħelsien ngħata taħt għadd ta’ kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Ewlenija fost il-kundizzjonijiet, ir-raġel ma jistax jiġi f’kuntatt max-xhieda fil-każ, inkluż ma’ ommu. Kundizzjonijiet oħrajn huma li jiffirma fl-għassa taż-Żurrieq tliet darbiet fil-ġimgħa, ma jistax isiefer għax il-passaport u l-karta tal-identità ġew iddepożitati fil-Qorti u li jħallas depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €15,000.