Jammetti li ħebb għalihom ‘għax ma ħalliehx juża t-toilet’

Raġel ta’ 36 sena mill-Furjana tressaq quddiem il-Qorti dalgħodu akkużat li ħebb għal sid ta’ ħanut u għal erba’ uffiċjali tal-Pulizija, irreżista l-arrest u fera lil wieħed mill-uffiċjali.  
L-inċident seħħ fis-sigħat bikrin tal-ewwel tas-sena l-ġdida fi Triq l-Arċisqof il-Belt, meta s-sid tal-ħanut, Vincenzo Maganiello, ma ħalliex lill-akkużat jidħol fil-ħanut tiegħu biex juża l-kamra tal-banju, minħabba li dak il-ħin kien magħluq.
L-akkużat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, u li l-istess uffiċjali li jtħejji r-rapport preliminari dwar il-każ ikompli jsegwih waqt li jkun taħt libertà proviżorja.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba minħabba li l-akkużat għandu sentenza sospiża wara li wettaq reati simili s-sena li għaddiet, filwaqt li talbet li sid il-ħanut jingħata protezzjoni.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo laqgħet kemm it-talba tal-prosekuzzjoni li s-sid jingħata protezzjoni kif ukoll it-talba tad-difiża li l-akkużat jinħeles mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000 u bil-patt u l-kundizzjoni li jirrispetta l-kundizzjonijiet stipulati mill-Qorti.