Iwieġeb ħati għal serq ta’ diesel u ħsara fuq vetturi f’Għawdex

Read in English.

Raġel wieġeb ħati ta’ serq ta’ diesel u ħsara fuq vetturi f’Għawdex fost akkużi oħra.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li llum ressqet b’arrest fil-Qorti t’Għawdex raġel ta’ 47 sena residenti Bormla. Hu tressaq quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana fejn kien akkużat li fil-lejl ta’ bejn is-7 u t-8 ta’ Awwissu u fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Awwissu, waqt li kien qiegħed f’sit fi Triq il-Madonna ta’ Rummiena fix-Xewkija u fi Triq San Leonardju fir-Rabat Għawdex, seraq diversi litri ta’ diesel minn numru ta’ vetturi u għamel ħsara volontarja fuq l-istess vetturi.

Hu kien akkużat li laqa’ għandu wkoll oġġetti misruqa jew akkwistati b’reat u li fl-istess lokalitajiet saq vettura mingħajr ma kien kopert bil-polza tas-sigurtà u liċenzja tas-sewqan kurrenti. Hu rrenda wkoll lilu nniffsu reċediv.

L-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u s-sentenza ser tingħata nhar id-19 t’Awwissu, 2020.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.