Fil-periklu tal-mewt: Iweġġgħu bil-quad bike f’Għawdex, it-tieni inċident f’jumejn

Read in English.

Żewġ tfajliet weġġgħu f’inċident li seħħ għall-ħabta tat-3pm f’Għawdex wara li persuna minnhom tilfet il-kontroll tal-quad bike. Waħda mit-tfajliet tinsab fil-periklu tal-mewt. L-inċident seħħ fi Triq ir-Rabat, in-Nadur. Jidher li f’dan l-inċident kienu involuti tliet quad bikes.

It-tfajliet għandhom 23 sena u huma minn San Ġwann u mill-Imtarfa u ttieħdu lejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’ambulanza. It-tfajla minn San Ġwann ġiet iċċertifikata li ġarrbet ġrieħi serji u għaldaqstant tinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li seħbitha mill-Imtarfa li kienet qed issuq il-quad bike indarbet ħafif.

Dan huwa t-tieni inċident f’jumejn li seħħew f’Għawdex bil-quad bike.

Ilbieraħ għall-ħabta tas-2pm, Taljan residenti r-Rabat, Għawdex iddaħħal l-isptar u ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief. L-inċident seħħ fi Triq il-Qala, f’Għajnsielem hekk kif il-quad bike baqa’ dieħel f’karozza pparkjata.