Iweġġa’ Neymar…u jitlef il-bqija tal-logħob

Matul il-logħba tal-lbieraħ bejn il-Brażil u l-Kolombja, l-attakkant Brażiljan Neymar weġġa’ daharu fejn iktar tard tħabbar li se jitlef il-bqija tal-logħob tat-Tazza tad-Dinja.
Il-pleyer Neymar li għandu 22 sena, weġġa’ wara li kien involut f’fawl mill-pleyer Kolombjan Juan Zuniga. Diversi esperti tal-futbol qed jgħidu li issa l-Brażil se jkun mingħajr l-aqwa pleyer tiegħu għas-semi finali u għall-finali eventwali.
Neymar kien kommoss għall-aħħar u kellu d-dmugħ f’għajnejh meta nħareġ mill-grawnd fuq l-istreċer, qabel ma ttieħed lejn l-isptar ta’ Fortaleza.
It-tabib tat-team Brażiljan qal li Neymar mhux se jilgħab u ta’ dan huwa ddispjaċut ħafna. Qal li filwaqt li mhux se jkollu bżonn tal-ebda operazzjoni, għandu bżonn jistrieħ sabiex jirkupra.
S’issa Neymar lagħab fil-ħames logħbiet tal-Brażil f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja u kien l-aqwa skorer tat-tim b’erba’ gowls.