Iweġġa’ gravi wara li waqa’ sular f’Ħal Qormi

Raġel sofra ġrieħi gravi wara li waqa’ minn għoli x’ħin kien qed jagħmel xi xogħol f’Ħal Qormi.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-inċident seħħ fis-1.45pm fi Triq il-Kunċizzjoni. Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post u sabu li r-raġel ta’ 41 sena mill-Bangladesh, residenti l-Pietà, waqa’ għoli ta’ madwar sular waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fis-sit.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.