Iweġġa’ gravi f’ħabta f’Ħal Qormi

Raġel ta’ 57 sena minn Ħal Qormi weġġa’ gravi wara li għal xi raġuni karozza daħlet fuqu fi Triq il-Wied, f’Ħal Qormi stess.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5pm meta l-Pulizija ġew infurmati b’inċident tat-traffiku.
Jidher li l-karozza tat-tip Mercedes, misjuqa minn raġel ta’ 34 sena minn Birkirkara, baqgħet dieħla fil-karozza tal-ferut.
Il-vittma ttieħed b’ambulanza l-isptar Mater Dei fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.