Aġġornata: L-elettriku f’Santa Venera u l-Ħamrun lura għan-normal

Il-provvista tal-elettriku fil-Ħamrun u Santa Venera reġgħet lura għan-normal wara l-inċident li fiħ waqa' s-saqaf ta' substation tal-Enemalta.
Kelliem għall-Enemalta qal ma’ Newsbook.com.mt li r-residenti ingħataw lura l-provvista għall-ħabta tat-2:45pm.
Spjega li malli l-periti żguraw li m'hemmx iżjed periklu, il-ħaddiema tal-Enemalta daħlu fis-substation u minnufih beda x-xogħol meħtieġ.
Mhux eskluż li fil-ħin li ġej jerġa' jinqata' d-dawl tar-residenti hekk kif bħalissa għaddejjin it-testijiet neċessarji.

Aktar qabel
Kuntrattur privat ikkawża ħsarat fis-sistema tad-dawl fil-Ħamrun u f’Santa Venera wara t-twaqqigħ ta’ dar qadima fi Triq il-Kanun f’Santa Venera stess.
Mijiet ta’ djar u negozji spiċċaw bla dawl, minħabba li l-inċident wassal għal ħsarat f’bini  ta’ substation tal-Enemalta fil-viċin hekk kif is-saqaf tal-bini ġarrab ħsarat.
Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.