Ivvutaw għall-ġid ta’ Malta – Zammit Marmara

Desmond Zammit Marmara, li għal snin twal kien delegat tal-Partit Laburista u Kunsillier tal-Partit Laburista, appella lit-tesserati Laburisti biex meta jivvutaw illum iżommu quddiem għajnejhom il-ġid ta’ Malta għax b’hekk biss jista’ jkun hemm il-ġid tal-Partit Laburista. Huwa appella aktar minn darba biex it-tesserati jivvutaw b’moħħhom.

Zammit Marmara kien qed jieħu sehem fil-programm Newsbook Hour imxandar fuq 103 Malta’s Heart is-Sibt filgħodu.

“Hemm bżonn bidu ġdid”

Huwa qal li waqt li Robert Abela qed joffri kontinwita, Chris Fearne qed joffri bidu ġdid. Fl-opinjoni ta’ Zammit Marmara l-pajjiż u l-partit Laburista għandhom bżonn bidu ġdid. Żied jgħid li l-bidu ġdid biss jiggarantixxi li ma jergħux isiru l-iżbalji li saru u li għamlu tant ħsara lill-pajjiż u lill-partit. Huwa qal li llum meta tmur barra minn Malta kważi tistħi tgħid li inti Malti. Zammit Marmara qal li hemm bżonn li jkun elett xi ħadd li jista’ jirranġa r-reputazzjoni ta’ Malta.

Abela b’kunflitt ta’ interess

Kemm Zammit Marmara kif ukoll Peppi Azzopardi, li miegħu sar kuntatt telefoniku, qalu li l-kumment ta’ Robert Abela mal-Malta Today li martu tkun tista’ tibqa tagħmel xogħol għall-Awtorità tal-Ippjanar jikkonstitwixxi konflitt ta’ interess kbir.

Azzopardi fakkar li Abela xi jumejn wara biddel ftit il-verżjoni iżda ma kienx ċar għal kollox jekk id-ditta tiegħu tibqax tieħu xogħol tal-Gvern jew le.

Espert legali li kien kellem lil Newsbook.com.mt qal li l-Kodiċi tal-Etika jippermetti lill-Prim Ministru li jista’ jagħti permess lil xi ministru li jieħu somma ta’ flus dikjarata minn qabel minn ditta li tkun tiegħu iżda li fiha ma jkunx jista’ jkompli jaħdem għax ikun Ministru. Huwa żied jgħid li dak li qal Abela jkun ifisser li l-Prim Ministru jagħti permess lill-Prim Ministru. L-istess espert legali qalilna li mkien fid-dinja ma jsir dan.

RIPN

Iż-żewġ kelliema kienu mistoqsija dwar meta Fearne għamel riferenza għal RIPN, kumment li Fearne qal li għamlu b’ċajta. It-tnejn ikkritikaw dan il-kumment. Zammit Marmara qal li kumment bħal dak ikun sar minħabba l-voti.

Negozju fil-proprjeta

Wara l-programm Newsbook.com.mt irċieva fuq WhatsApp kopja ta’ kuntratt magħmul quddiem in-Nutar Ian Castaldi Paris li juri li Robert Abela, martu Lydia, Gilbert Bonnici u Simon Buhagiar xtraw villa għall-ammont ta’ €360,000 biex iwaqqgħuha u flokha bnew appartamenti għall-bejgħ. Bonnici huwa negozjant fil-qasam tal-kostruzzjoni. Buhagiar u Bonnici attendew laqgħat li saru minn Abela waqt il-kampanja għal mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru.

Kummenti li waslu wkoll wara l-programm kienu jgħidu li l-Ministri u l-Prim Ministru messhom ikollhom salarju akbar biex jkollhomx bzonn jidħlu f’attivitajiet li joħolqu kunflitt ta’ interess.