Ivvutaw għal tmexxija kredibbli – il-maġġoranza tal-MPs Nazzjonalisti

Read in English.

Il-maġġoranza assoluta tal-Membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, fissru li llum se jingħata bidu għall-proċess li għandu jwassal biex bl-għażla ta’ Kap ġdid tal-Partit, il-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jibda jħares lejn il-Partit Nazzjonalista bħala għażla alternattiva u kreddibbli. 

Dan intqal fi stqarrija maħruġa llum, hekk kif llum il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista se jkunu qed jivvutaw dwar mozzjoni li għandha tiskatta wieħed minn żewġ proċessi: jew vot ta’ fiduċja f’Dr. Adrian Delia mit-tesserati jew inkella il-bidu ta’ proċess għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Fl-istqarrija tagħhom, il-maġġoranza tal-membri tal-Grupp Parlamentari tal-PN qal li l-Kunsilliera għandhom fuqhom piż, pero konvinti li l-Kunsilliera kollha se jiddeċiedu fl-aħjar interess tal-Partit u tal-pajjiż billi jagħtu l-opportunità lit-tesserati jeleġġu Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-istqarrija tagħhom, huma qalu li  l-aħbarijiet tal-aħħar jiem diġà beda joħloq l-entużjażmu fi ħdan il-Partit, minkejja li fl-aħħar tliet snin kien hemm min bired mill-politika jew saħansitra tilef il-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista. 

Huma żiedu li elezzjoni għal Kap ġdid se tattira nies ġodda fil-Partit u terġa’ toħloq l-entużjażmu u l-impenn għal aktar ħidma, li huma tant meħtieġa sal-elezzjoni ġenerali.

Huma appellaw lill-Kunsilliera tal-PN biex jivvutaw b’moħħhom u b’qalbhom fl-aħjar interessi tal-Partit u tal-pajjiż. Dan filwaqt li jassiguraw li l-Partit Nazzjonalista jkun f’pożizzjoni li jkun ta’ alternattiva b’saħħitha biex jingħata l-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi, fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, b’Kap ġdid.