Ivvutaw għal min jagħti prijorità lit-tfal – Coleiro Preca

 

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca waqt is-summit tat-tfal ħeġġet lil votanti biex jeleġġu kandidati li għandhom jagħtu vuċi lit-tfal.

Coleiro Preca kienet qed tindirizza l-ewwel summit Ewropew tat-tfal f’Bukarest bħala President tal-Eurochild. Hija ħeġġet lil dawk kollha li se jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew biex jivvutaw lil dawk il-kandidati li jemmnu bis-sħiħ bis-sehem u l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal fil-proċessi Ewropej, li matulhom jittieħdu d-deċiżjonijiet. Il-President Emeritu qalet li l-Istati Membri għandhom ipoġġu l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal bħala prijorità.

Coleiro Preca saħqet li ”jeħtieġ li l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-proċessi fejn jittieħdu d-deżijonijiet issir realtà llum qabel għada.“ Dan jgħin sabiex l-Unjoni Ewropea tagħti widen għal dak li jgħidu t-tfal għalhekk jinfluwenzaw deċiżjonijiet li jaffettwaw lilhom u lill-adulti, tenniet il-President Emeritu. Hija kkwotat stħarriġ bl-isem ta’ ”Europe Kids Want“ maħruġ mill-Eurochild u mill-UNICEF fejn juri li 8% tat-tfal li ħadu sehem, iħossu li l-adulti jagħtu każ l-opinjonijiet tagħhom, meta jittieħdu deċiżjonijiet fuq livell komunitarju.

Eurochild hija network Ewropea li taħdem favur id-drittijiet tat-tfal u għandha 176 membru minn 34 pajjiż differenti. Din l-Għaqda ppubblikat id-Dikjarazzjoni Ewropea għat-Tfal biex isservi bħala gwida u punt ta’ riferiment għall-mexxejja Ewropej għal dak li għandu jsir għat-tfal fuq livell Ewropew.

Żewġt itfal Maltin, Sharon Cilia ta’ 14-il sena, membru tal-Kunsill taż-Żgħażagħ u Membru tal-Ewwel Eurochild Children’s Council u Scarlett Engerer ta’ 10 snin, membru tal-Kunsill tat-Tfal ħadu sehem f’dn is-summit.