Ivvota lill-individwu skont il-prinċipju, mhux lill-partit – Ta’ Kana, Catholic Voices

Read in English.

Il-Moviment Ta’ Kana u Catholic Voices Malta ppreżentaw manifest bi 12-il prinċipju li għandhom jiggwidaw lill-votanti Kattoliċi huma u jagħżlu l-kandidati preferuti tagħhom għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Dan il-manifest jagħti importanza lir-rispett għad-dinjità umana, lis-sussidjarjetà u l-ħajja mill-konċepiment għat-tmiem naturali tagħha, kif ukoll is-sapport għall-familji żgħar, u d-dritt tal-ġenituri li jedukaw lil uliedhom. Fost il-prinċipji elenkati nsibu wkoll il-bżonn ta’ sforz imġedded għal soluzzonijiet komuni effettivi dwar l-immigrazzjoni, l-ażil, l-integrazzjoni u d-demografija.

Il-votanti huma inkoraġġiti jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jistaqsu lill-kandidati dwar dawn it-12-il prinċipju importanti li se jiddefinixxu l-aġir personali tagħhom fuq livell Ewropew ladarba jiġu eletti.

Din l-inizjattiva għandha s-sapport tal-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

“Kuntest Ewropew, mhux lokali”

Catholic Voices Malta u l-Moviment Ta’ Kana qalu li peress li l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew mhix waħda lokali, imma Ewropea, il-votanti m’għandhomx iqisu l-voti tagħhom bħala ta’ fiduċja jew sfiduċja fil-partit li qiegħed fil-Gvern jew dak fl-Oppożizzjoni. Il-votanti qed jitfakkru li minkejja li huma qed jivvutaw għall-kandidati individwali u għall-partiti politiċi lokali, dan il-vot se jingħata wkoll lill-gruppi politiċi Ewropej li jiffurmaw il-valuri, il-policies u l-azzjonijiet Ewropej.

Huma qalu wkoll li l-familji u d-demografija għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politika Ewropea, speċjalment familji li għadhom jibdew.

Aqra aktar hawn. 

Aċċessa l-manifest sħiħ minn hawn.