“Ivvjaġġa meta ma jkunx hemm tlielaq tal-Grand Prix” – Cassola lil Cardona; Cardona jiċħad

Il-Ministru Chris Cardona sostna li hu ma jsegwix it-tlielaq tal-Formula 1 u lanqas qatt ma attenda għal Grand Prix.
Dan qalu f'messaġġ fuq Facebook wara li l-eks Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika, il-Professur Arnold Cassola b’mod sarkastiku talbu biex meta jsiefer jagħżel żminijiet meta ma jkunx hemm tlielaq tal-Grand Prix fil-pajjiż li jkun sejjer.
Cardona rrimarka li dawn huma kollha spekulazzjonijiet u qlajjiet dwar is-safar tiegħu relatati max-xogħol.
F’messaġġ li tella’ fuq Facebook, Cassola qal li tlieta mill-vjaġġi ta’ Cardona mill-2015 ’il quddiem, ħabtu ma’ tlielaq tal-Grand Prix, li spjega li jwasslu sabiex il-lukandi jkunu bi prezz ogħla minħabba d-domanda.
L-ewwel vjaġġ li jsemmi huwa dak li Cardona għamel f’Monako bejn it-22 u l-25 ta’ Mejju tal-2015. F’dak iż-żmien intqal li kellu laqgħat ta’ negozjar. Il-vjaġġ sewa total ta’ €10,951.
Eżatt fl-istess dati meta l-Ministru Cardona kien f’Monako, kien hemm ukoll skedati kompetizzjonijiet tal-Grand Prix li bdew propju fit-22 ta’ Mejju u spiċċaw fil-25 ta’ Mejju.
It-tieni vjaġġ li Cassola għamel referenza għalih kien dak ta’ bejn l-24 u s-27 ta’ Novembru 2016 f’Dubaj. Spjega kif it-tlielaq tal-Grand Prix saru propju fis-27 ta’ Novembru f’Abu Dhabi. Il-vjaġġ sewa total ta’ €5,997.
Bejn Dubaj u Abu Dhabi hemm vjaġġ ta’ ftit anqas minn siegħa u nofs bil-karozza.
L-aħħar vjaġġ ta’ Cardona li għamel referenza għalih Cassola kien dak ta’ Milan f’Settembru tal-2017. Il-vjaġġ kien skedat bejn l-1 u l-4 ta’ Settembru u ġie jiswa €2,396.
Spjega kif f’Monza, propju fit-2 ta’ Settembru kien hemm ukoll it-tlielaq tal-Grand Prix.
Wieħed jista’ jasal minn Monza għal Milan f’madwar 10 minuti b’ferrovija, jew 45 minuta b’karozza.
Fil-messaġġ, Cassola talab lil Cardona sabiex jieħu ħsieb il-mod kif jonfoq il-flus meta jsiefer.