Ivvandalizzata l-Madonna tal-Marsa fi Triq Diċembru 13

Raġel li l-età jew in-nazzjonalità tiegħu għadha mhix magħrufa wettaq vandaliżmu fuq il-Madonna tal-Marsa li hemm fi Triq Diċembru 13.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma dan l-inċident ma’ Newsbook.com.mt, u qal li r-rapport daħlilhom għall-ħabta tas-1.15am dwar persuna li kienet qed tkisser xi vażetti tal-ħġieġ li kienu mpoġġija mal-istatwa.
Kien qarrej ta’ Newsbook.com.mt li informa lil dan is-sit dwar vażetti tal-fjuri mkissra fit-triq u xemgħat mormija bl-addoċċ quddiem l-istatwa li tinsab f’dit-triq traffikuża.
Intbagħtu membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex ineħħu l-ħġieġ u x-xemgħat min-nofs.
Il-kelliem għall-Pulizija qal li qed jippruvaw jaraw hemmx xi kameras tas-sigurtà fil-qrib jew gġal fuq l-istatwa, sabiex jgħinuhom fl-investigazzjonijiet.
Ritratt: Id-Dar tal-Providenza