Ivvandalizzat il-monument tat-Tunnara fil-Mellieħa

Il-monument tat-Tunnara fil-Mellieħa kien fil-mira ta’ attakk vandalu. Allegatament, dan il-vandaliżmu seħħ fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Settembru.

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fi stqarrija kkundanna bla ebda riżerva l-vandaliżmu li sar fuq dan il-wirt storiku li jinsab qrib ħafna tal-Batterija ta’ Westreme.

Il-Batterija ta’ Westreme, li tinsab propju f’dan il-post, kienet ġiet restawrata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bejn l-2007 u l-2008, u ġiet trasformata f’Mużew tat-Tunnara. Minn dak in-nhar sal-lum bdew jieħdu ħsieb dan il-post l-Għaqda Melleħija Art Club 2000, li taw is-sehem tagħhom ukoll fir-restawr ta’ din il-binja.

Il-Kunsill Lokali jappella lil dawk kollha li għandhom xi informazzjoni sabiex javviċinaw lill-Pulizija biex min wettaq dan l-att vandalu ikollu jirrispondi għal għemilu.

Il-Kunsill Lokali qal li dawn l-atti vandali għandhom jinqatgħu sabiex kulħadd japprezza iktar il-wirt storiku li ħallewlna missirijietna u ngħadduh lil dawk li ġejjin warajna.

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jibqa’ kommess li jħares il-wirt storiku li jinsab fil-Mellieħa, u qiegħed anke jorganizza laqgħat ta’ tagħrif sabiex ikabbar l-għarfien dwar il-wirt storiku li hawn fil-Mellieħa.