​IVF: “Favur diskussjoni” – PN; “Delia ħa jmexxi lil Malta lura” – PL

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa favur li ssir diskussjoni dwar l-IVF filwaqt li l-Partit Laburista qal li Adrian Delia jrid jieħu l-pajjiż lura minflok ‘il quddiem.
Il-PN allega li l-Gvern Laburista jrid li jimponi l-kiri tal-ġuf u l-gamete donation f’Malta bl-Avviż Legali li ressaq. Il-partit stqarr li l-Gvern ħa din id-deċiżjoni mingħajr ebda konsultazzjoni, iżda qabad u ddeċieda waħdu f’kamra magħluqa. Kompla jżid li l-Avviż Legali li tressaq qed jikser il-liġi attwali.  
Il-PN sostna li hu favur li ssir diskussjoni miftuħa dwar dawn it-temi etiċi.
Il-partit temm jgħid li huwa favur il-prinċipju ta’ 100 siegħa leave għall-koppji li jkunu għaddejjin minn assistenza medika għall-prokreazzjoni, u temmen li dan għandu jiddaħħal mill-aktar fis possibbli. 
Reazzjoni tal-PL
Madanakollu, il-PL saħaq li  bil-mozzjoni li tattakka avviż legali li jagħti dritt ta’ 100 siegħa leave lill-ġenituri prospettivi li jieħdu trattament tal-IVF, il-kap tal-PN, Adrian Delia, irid jieħu l-pajjiż lura minflok ‘il quddiem.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru Helena Dalli qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet li f’dan il-każ Adrian Delia qed jattakka d-dritt tan-nisa infertili, inkluż dawk f’relazzjoni tal-istess sess.     
Il-Ministru Dalli spjegat kif il-100 siegħa leave  jirriżultaw minn emendi fil-liġi tax-xogħol li kienu diskussi u li kien hemm qbil dwarhom. Fi kliemha filwaqt li l-bidla hi mnebbħa mill-bżonn li jingħataw iktar drittijiet lil dawn il-koppji, il-Kostituzzjoni ma tippermettix lanqas diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ġeneru.