Liġi ffriżar: Ma tipproteġix l-embrijun, iġġibu qisu oġġett – 100 akkademiku

“L-emendi proposti għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun jagħmlu farsa mit-titlu tal-istess liġi għax ma jagħtu każ xejn mill-protezzjoni tal-embrijun u jirriduċu l-embrijun għal kważi oġġett.” Din hija l-opinjoni ta’ 100 professur u lettur mill-14-il fakultà differenti fl-Università ta’ Malta.
Huma sostnew li l-proposti tal-Gvern li jippermettu l-iffriżar tal-embrijun, il-proposti għall-kiri tal-ġuf li dwarhom il-Gvern qal li jrid jagħmel konsultazzjoni, u l-għoti b’mod anonimu tal-isperma u l-bajda, idgħajfu b’mod serju l‑protezzjoni tal‑embrijun uman fl‑istadju li jkun l-iktar dgħajjef.
Dawn l-akkademiċi fl-istess ħin appoġġjaw bis-sħiħ is-servizz tal-IVF li ilhom jingħataw lill-koppji infertili fl-Isptar Mater Dei u sostnew li dan is-servizz għandu jibqa’ jiġi mtejjeb sabiex il-koppji infertili jingħataw l-aħjar trattament u għajnuna possibbli. 
Komplew jispjegaw li waqt li l-liġi preżenti tagħti lil dawn il-koppji s-serħan il-moħħ li d-dinjità tal-embrijuni li jkunu wliedhom hija rispettata u mogħtija protezzjoni sħiħa, b’dak li issa jrid il-Gvern l-istess embrijuni jitqiesu bħala oġġett.
Il-proposti tal-Gvern, qalu l-professuri tal-Università, iġibu magħhom problemi psikoloġiċi, legali u morali minħabba l‑produzzjoni ta’ embrijuni żejda u l‑ħtieġa ta' ‘orfanatrofiji tal‑embrijuni’ u ta’ ‘donazzjonijiet tal‑embrijuni’. 
Min jiġi ffriżat, min jitpoġġa fil-ġuf
Skont il-liġi issa se tibda ssir għażla bejn min jiġi ffriżat u min jitpoġġa fil-ġuf biex jiżviluppa.  Huma nnutaw li f’Malta diġà jeżisti l-proċess tal-iffriżar tal-bajd tal-mara  li qed jirnexxi relattivament tajjeb meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
Il-100 akkademiku qalu li l-proposti tal-Gvern jiddiskriminaw bejn embrijun u ieħor, sempliċement minħabba li ma jistgħu jagħmlu xejn biex jipproteġu l‑interessi tagħhom. “Koppji oħrajn x’aktarx ma jkunux imħajra li jadottaw dawn l-embrijuni peress li jkunu diġà ġew skartati mill-ġenituri tagħhom għax qisuhom bħala inferjuri”, komplew jgħidu.
ll-kiri tal-ġuf (surrogazzjoni)
Dwar il-kiri tal-ġuf, l-akkademiċi jgħidu li dan huwa mod ieħor kif il-mara titqies bħala oġġett. Huma ddeskrivew l-użu tal-kliem kiri tal-ġuf altruwistiku bħala ‘qerq’ peress li, skont il-liġi, l-omm li twelled tarbija ta’ ħaddieħor tirrinunzja kwalunkwe responsabbiltà li trabbi l-wild bħala tagħha, u l-wild ma jingħatax il-possibbiltà li jiġi konċeput, jiżviluppa, imwieled u mrobbi mill-istess omm.
Id-donazzjoni anonima tal-gameti
L-akkademiċi qalu li l-għoti b’mod anonimu tal-isperma u l-bajd iwassal għal numru ta’ riskji għas‑saħħa. Komplew jgħidu li d‑donazzjoni anonima tirredikola d‑dritt tal‑wild li jsir jaf l‑oriġini bijoloġika tiegħu. 
Tfal imwielda b’donazzjoni tal‑gameti qatt ma jkunu jistgħu jistabbilixxu relazzjoni mal‑ġenituri bijoloġiċi tagħhom, itennu l-100 professur u lettur universitarju li ffirmaw l-istqarrija.
L‑akkademiċi jinkludu tobba, professjonisti fil‑kura tas‑saħħa, patoloġi, ġinekologi u ostetriċi, avukati, social workers, psikologi, counsellors, filosofi, teoloġi, xjentisti u professjonisti fil‑qasam tal‑politika pubblika u soċjali.
Aqra hawn taħt il-karta li ppubblikaw dawn l-akkademiċi, bl-Ingliż