Ivan J. Bartolo jħalli s-siġġu tal-Parlament: “Il-pajjiż jeħtieġlu Oppożizzjoni b’saħħitha”

Bernard Grech Ivan Bartolo

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo għadda l-ittra tar-riżenja tiegħu bħala membru parlamentari lill-Iskrivan tal-Kamra Ray Scicluna. Fl-aħħar diskors tiegħu fil-parlament, Bartolo qal li hu kien daħal fil-Parlament f’Marzu f’ċirkostanzi mhux normali u kien ħiereġ b’ċirkostanzi straordinarji.

Bartolo qal li hu daħal fil-politika biex iservi u kien għalhekk li fl-aħjar interess nazzjonali kien se jċedi postu lill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech biex il-pajjiż ikollu Oppożizzjoni b’saħħitha.

Filwaqt li qara l-ittra tar-riżenja, l-Ispeaker Anġlu Farrugia rringrazzja lil Bartolo għall-professjonalità li dejjem wera tul ix-xhur li dam fil-Parlament u qallu li kien se javża lill-President ta’ Malta bid-deċiżjoni tiegħu ħalli jiskatta l-proċess biex jimtela s-siġġu tiegħu.

Bartolo kien elett fil-Parlament permezz ta’ elezzjoni każwali f’Marzu li għadda fuq id-9 distrett wara r-riżenja ta’ Marthese Portelli.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius stqarr li dan ma kienx it-tmiem tal-karriera politika ta’ Bartolo iżda l-bidu peress li fadallu ħafna x’jagħti lill-Partit Nazzjonalista.