Ivan Camilleri jitkeċċa mit-Times; “diversi raġunijiet”

Aġġornat 03:09 PM

Il-ġurnalist tat-Times Ivan Camilleri tkeċċa b’rabta ma’ allegata komunikazzjoni li kellu ma’ Yorgen Fenech, lejlet li pprova jaħrab mill-marina ta’ Portomaso. Dan ġie rrappurtat minn MaltaToday u kkonfermat indipendentament minn Newsbook.com.mt.

Xi sigħat wara, Allied Newspapers Ltd ħarġu stqarrija li fiha kkonfermaw it-tkeċċija tal-ġurnalist. Speċifikaw li huwa tkeċċa “wara li l-kumpanija saret taf b’fatti riċenti fuq għadd ta’ kwistjonijiet diversi.” B’hekk, huwa m’għadux membru fuq il-Bord Editorjali.

Ilbieraħ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, l-investigatur ewlieni Keith Arnaud semma li Fenech irċieva ‘tip-off’ minn ġurnalist u li dan ħareġ mill-mowbajl ta’ Fenech. Fenech, negozjant u sid il-kumpanija 17 Black qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Skont il-MaltaToday, il-Pulizija sabet messaġġ fuq WhatsApp li Yorgen bagħat lil zijuh Ray Fenech, fejn issemma ċertu ‘Ivan’, li allegatament wissieh li hu persuna ta’ interess għall-Pulizija.

Newsbook.com.mt ipprova jikkuntattja lill-ġurnalist Ivan Camilleri, iżda l-mowbajl tiegħu jinsab mitfi. Aktar kmieni, mal-MaltaToday, Camilleri qal li mhux se jkun qed jikkummenta u li se jiġġieled it-tkeċċija inġusta tiegħu.