Ivan Camilleri jiftaħ libell lil Saviour Balzan

Read in English.

Il-ġurnalist Ivan Camilleri aktar kmieni llum fetaħ libel kontra l-Editur tal-Malta Today Saviour Balzan. Fi stqarrija ffirmata mill-avukat ta’ Camilleri, ġie spjegat li l-libell infetaħ dwar artiklu miktub minn Balzan fl-20 ta’ Diċembru tal-2019.

L-artiklu ta’ Balzan jitkellem dwar it-tkeċċija ta’ Camilleri mit-Times of Malta wara kien hemm allegazzjonijiet dwar konverżazzjonijiet bejn Camilleri u sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech, lejliet li Fenech ipprova jaħrab minn Malta.

Camilleri kien ċaħad li qatt kien ikkomunika ma’ Fenech dwar l-allegati tip offs mill-ġurnal.

Fil-libell, Camilleri talab lill-Qorti tiddikjara l-kliem tal-Malta Today u ta’ Balzan bħala libellużi u defamatorji u biex jagħmlu tajjeb għall-ħsara li saret lir-reputazzjoni tiegħu.

Dakinhar stess, Camilleri kien ħareġ stqarrija fejn iddikjara li hu qatt ma kkomunika ma’ Yorgen Fenech dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija mibgħuta lill-midja mill-avukat ta’ Camilleri, huwa stqarr li jħoss li tkeċċa mit-Times of Malta inġustament, peress li t-tkeċċija tiegħu hija bbażata fuq “suspetti” u “allegazzjonijiet,” u peress li ma ngħatax ċans jikkjarifika s-sitwazzjoni u jgħid x’inhi l-verità skontu. Skont il-MaltaToday, il-Pulizija sabet messaġġ fuq WhatsApp li Yorgen bagħat lil zijuh Ray Fenech, fejn issemma ċertu ‘Ivan’, li allegatament wissieh li hu persuna ta’ interess għall-Pulizija.