Ivan Camilleri jagħti €5,000 lil sid il-ħanut li seraq minnu; Camilleri jiċħad

Aġġornat 08:07 AM

L-eks ġurnalist tat-Times of Malta, Ivan Camilleri, ħallas €5,000 lis-sid tas-supermarket minn fejn inqabad jisraq skont dak li ġie rrappurtat mill-MaltaToday fuq li ħareġ fil-Qorti llum. Il-MaltaToday qalet li dan sar bħala forma ta’ settlement. Wara li ħarġet din l-aħbar, Camilleri ħareġ stqarrija fejn ċaħad dan kollu u qal li mhuwiex minnu.

Ilum xehed sid il-ħanut f’każ ta’ libel li fetaħ l-editur tal-MaltaToday Saviour Balzan fil-konfront ta’ Camilleri. Il-libell huwa dwar Facebook post fejn Camilleri kien qal li l-istorja tal-MaltaToday li kixfet is-serqa li għamel mis-supermarket kienet gidba.

X’qal il-ġurnal MaltaToday?

Is-sid tas-supermarket xehed quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello llum. Hu spjega li kien irċieva telefonata mingħand Balzan fid-29 ta’ Ottubru. Balzan kien staqsieh x’ġara ma’ Camilleri. Hu qal li lil Balzan kien spjegalu li kellu inċident ma’ Camilleri, iżda li hu kien aċċetta l-ispjegazzjoni tiegħu u waslu għal ftehim bejniethom.

Hu rrakkonta kif Camilleri kien xtara numru ta’ oġġetti mill-ħanut iżda kellu affarijiet oħrajn fuq wara tat-trolley li ma ħallasx għalihom. Qal li wara hu kien mar lura s-supermarket, talab skuża u ħallas għalihom. Is-sid qal li din is-sitwazzjoni kienet waħda diffiċli għalih għax Camilleri kien klijent regolari. Spjega li meta s-segretarja tiegħu għarrfitu bl-inċident, hu ċempel lil Camilleri biex ikellmu. Camilleri kien qallu li dan kien żball onest.

Fil-kontro-eżami, is-sid tas-supermarket qal fil-Qorti li minkejja li hu kien aċċetta l-ispjega ta’ Camilleri dwar l-oġġetti mhux imħallsa, hu aċċetta kumpens ta’ €5,000 mill-ġurnalist. Spjega li Camilleri qasam il-pagament f’darbtejn, ta’ €2,500 kull darba.

X’qal Ivan Camilleri?

Fi stqarrija li ħareġ Camilleri nnifsu, huwa qal li sid is-supermarket xehed li ma kien hemm l-ebda każ ta’ serq mis-supermarket. Skont Camilleri, is-sid qal li l-ġurnalist skuża ruħu meta ntebaħ li kien hemm affarijiet fit-trolley li ma tqegħdux fuq il-conveyor belt, u ħallas minnufih.

Sostna li dan l-inċident waqaf hemm.

Camilleri mill-ġdid ċaħad kwalunkwe konnessjoni li qed tiġi implikata bejnu u bejn il-ħarba ta’ Yorgen Fenech.

Il-każ mistenni jkompli jinstema fit-18 ta’ Marzu.