Ivan Bartolo wkoll lest iċedi s-siġġu lil Bernard Grech

Miguela Xuereb

Read in English.

Ivan Bartolo kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li hu wkoll lest li jċedi s-siġġu parlamentari tiegħu lil Bernard Grech, dejjem jekk dan ikun elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-aħħar ħin, il-Kummissjoni Elettorali kkonfermat li l-uniċi żewġ kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista huma Adrian Delia u Bernard Grech.

Bartolo qal ma’ Newsbook.com.mt li hu lest li jagħmel dak li hu neċessarju għall-Partit Nazzjonalista u għall-pajjiż. Qal li jekk dan ifisser li hu għandu jċedi s-siġġu tiegħu, mela lest li jagħmel dan. Sostna li kemm il-Partit Nazzjonalist, kif ukoll Bernard Grech, jekk ikun elett, għandhom bżonn jieħdu spinta.

Hu rrimarka li s-siġġu parlamentari mhu propjetà ta’ ħadd u dawk li huma eletti huma biss gwardjani tiegħu li jridu jirrappreżentaw lill-poplu. “Irridu nagħmlu dak li hu neċessarju għall-ġid komuni u mhux għall-benefiċċju personali tagħna,” insista Bartolo. Qal li dak li jkun irid ipoġġu l-interess tal-partit u tal-pajjiż qabel l-interess personali.

Aktar kmieni llum, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Hermann Schiavone wkoll ikkonferma li lest li jċedi postu jekk Bernard Grech ikun elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li ġej.

Schiavone kkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt u qal li hu lest li jagħmel dak li hu fl-interess tal-partit u tal-pajjiż. Hu kompla jgħid li lest li jagħmel dan, kif kien għamel tliet snin ilu meta Adrian Delia kien elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista meta ma kienx jokkupa siġġu fil-Parlament.