Ituh daqqa ta’ sikkina biex jisirqu logħba tal-kompjuter

Il-bieraħ eluf ta’ tfal u żgħażagħ minn madwar id-dinja ħasbulu kmieni biex jistennew fuq barra tal-ħwienet biex jakkwistaw il-kopja tal-logħba tant mistennija – Grand Theft Auto V. L-eluf ta’ żgħażagħ, inkluż numru kbir ta’ Maltin kienu ilhom jistennew il-ħruġ ta’ din il-logħba żmien twil.

L-istess għamel żagħżugħ ta’ 23 minn Londra. Wara 4 sigħat fil-kju, il-logħba tant mistennija wasslet għandu ukoll u pront beda miexi lura għad-dar. Ġara iżda, li fi trieqtu lura, tliet żgħażagħ oħra attakkawh biex joħdulhu l-logħba minn idu. Iż-żagħżugħ spiċċa biex qala’ daqqiet ta’ sikkina u daqqa ta’ ġebla.  

Kelliema għal Scotland Yard ikkonferma li t-tliet żgħażagħ, li l-eta’ taħghom tvarja bejn il-15 u t-18-il sena, qed jinżammu arrestati mill-pulzija f’Londra għal aktar stħarriġ.

Mal-ħruġ ta’ din il-logħba qamet ukoll bosta kontroversja, dan għaliex l-istess logħba tinvolvi ħafna vjolenza.