Ittra se tgħidlek meta għandek tmur tieħu l-vaċċin tal-Covid-19 – Fearne

Chris-Fearne
Miguela Xuereb

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li malli l-vaċċin ikun illiċenzjat biex jibda jitqassam u jasal Malta, iċ-ċittadini se jkunu qed jirċievu ittra bid-dettalji ta’ meta, x’ħin u fejn se jkunu qed jieħdu l-vaċċin.

Hu qal dan f’intervista waqt il-programm Paperscan fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista. Fearne sostna li kulħadd se jkun qed jirċievi ittra bil-ħin u bid-data ta’ meta għandu jmur jieħu l-vaċċin u fejn għandu jmur. Irrimarka li b’hekk ħadd m’għandu għalfejn imur joqgħod fi kju. Qal ukoll li minħabba li l-vaċċin irid jittieħed darbtejn, fl-ittra se jkun hemm inkluża wkoll id-data ta’ meta trid tittieħed it-tieni doża.

500,000 vaċċin mingħand kumpanija waħda

Fearne irrimarka li filwaqt li għall-bidu, il-ftehim mal-kumpaniji Pfizer u BioNTech kien li Malta takkwista 250,000 doża tal-vaċċin malli dan jiġi lliċenzjat, dan l-ammont irdoppja għal 500,000. Fearne qal li apparti minn hekk, hemm ukoll ftehim differenti ma’ diversi kumpaniji oħrajn li jinsabu fil-proċess ta’ żvilupp tal-vaċċin. Spjega li ma’ dawn, hemm ukoll mijiet ta’ eluf ta’ dożi ordnati u b’hekk jaf il-pajjiż ikollu ħafna iktar dożi milli hawn ċittadini. Irrimarka li din hija problema tajba.

Irrimarka li l-vaċċin tal-kumpaniji Pfizer u BioNTech jinsab fi stadju l-aktar avvanzat u bħalissa qed isiru l-aħħar sottomissjonijiet lill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini. Malli l-Aġenzija toħroġ l-approvazzjoni tagħha, dan il-vaċċin ikun jista’ jibda jitqassam. Fearne insista li din il-fażi hija importanti ħafna għax se tkun qed tiddetermina s-sigurtà tat-tqassim tal-vaċċin. “Aħna ma rridux nagħtu tilqima li ma tkunx għaddiet minn dan il-proċess,” insista Fearne”.

Kompla jgħid li dan il-proċess huwa stmat li jkun konkluż sal-aħħar ta’ Diċembru. Imbagħad, jekk jinstab li l-vaċċin huwa tajjeb, toħroġ l-awtorizzazzjoni għat-tqassim. Qal li jekk ikun hemm xi problema, jista’ jkun hemm dewmien ta’ ftit ġimgħat oħra.

L-ewwel konsenja fl-ewwel ġimgħat tas-sena

Il-Ministru Fearne qal li t-tbassir kurrenti huwa li fl-ewwel ftit ġimgħat tal-2021 se tkun qed tasal l-ewwel konsenja. “Fl-ewwel ftit xhur tas-sena se nkunu qassamna l-vaċċin liċ-ċittadini kollha tal-gżejjer Maltin,” qal Fearne. Irrimarka li l-ewwel persuni li se jieħdu l-vaċċin huma l-fronliners (tobba, infermiera, spiżjara, pulizija, eċċ), nies li għandhom ‘il fuq minn 85 sena, imbagħad dejjem jinżlu bl-età.

Spjega li entitajiet privati, għall-ewwel xhur, mhux se jkollhom aċċess għal dan il-vaċċin biex ikunu jistgħu jqassmuh b’mod privat. Qal li l-gvernijiet diġà ħadu d-dożi kollha li jistgħu jkunu prodotti fiż-żmien li ġej. F’Malta dawn se jingħataw b’xejn mingħand il-Gvern.

Kompla jgħid li l-ewwel konsenja li se tasal f’Malta se tkun biżżejjed għall-frontliners. Il-konsenji se jkunu qed jaslu fil-pajjiż kull ġimgħa.