Ittra Pastorali dwar il-vjolenza fuq nisa, tfajliet u tfal

Talb għal nisa, tfajliet u tfal vjolentati u sfruttati

L-Isqfijiet tal-Afrika t’Isfel ħarġu Ittra Pastorali li fiha qalu li “f’dan iż-żmien tal-Avvent ejjew inwieġbu għas-sejħa biex noffru r-riġal tal-ħajja li jagħtina Alla lin-nisa fl-Afrika t’Isfel u b’mod speċjali lil dawk li qed jgħixu f’relazzjonijiet abużivi u lil dawk li huma vittmi tal-vjolenza u stupru”.

L-Isqfijiet irrimarka li dan hu żmien ikraħ għall-pajjiż fejn nisa u tfajliet qed jinqatlu jew ikunu suġġetti għal kull forma ta’ vjolenza fiżika u emozzjonali.

Huma fakkru fid-diskors li kien għamel il-Papa Franġisku fil-Peru f’Ġunju 2018, li “Il-vjolenza kontra n-nies ma tistax titqies bħala xi ħaġa “normali” f’kultura ta’ superjorità maskili li ma tagħrafx ir-rwol li l-mara għandha fil-komunitá tagħna. Mhux sew li ndawwru wiċċna u nħallu d-dinjita’ ta’ tant nisa, speċjalment tfajliet, tinrifes”.

L-Isqfijiet qalu li kienu qed joħorġu din l-Ittra Pastorali fil-bidu tal-Avvent – żmien ta’ tiġdid li jseħilna għall-konversjoni tal-qalb waqt li qed nippreparaw biex niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù Kristu. F’dan il-kuntest ta’ biża’ u trawa għall-mara, l-Avvent joffrilna opportunità[MS1]  li naspiraw biex nimitaw lil Kristu li bl-inkarnazzjoni tiegħu sar vulnerabbli u sofra l-vjolenza minn idejn dawk li ma riedux jimxu warajh.

“Jien ġejt biex intom ikollkom il-ħajja u ħajja bl-abbundanza”. (Ġwanni 10:10)

Ir-rigal tal-ħajja

Bit-twelid ta’ Ġesù, Alla bena tinda fostna biex ġieb r-rigal tal-ħajja lill-umanità, biex kulħadd ikollu l-ħajja u ħajja bl-abbundanza.

F’dan iż-żmien tal-Avvent ejjew nilqgħu din is-sejħa u nagħtu l-ħajja lin-nisa fl-Afrika t’Isfel, speċjalment lil dawk li qed ibatu l-vjolenza u l-esplojtazzjoni.

“Ara, jien naqqaxtkom fuq il-pala t’idi”.  (Is. 49:16)

L-Isqfijiet qalu li f’dawn il-ġimgħat ta’ qabel il-Milied riedu jirrakkomandaw numru ta’ affarijiet li jaffermaw u jippromwovu d-dinjità ta’ kull mara u tfajla, f’kull persuna li hi ħolqien t’Alla.

Nagħmlu sforzi pożittivi biex inġeddu u nsaħħu l-familji tagħna permezz tat-talb u l-qari tal-Iskrittura fejn niċċelebraw it-twelid tal-Iben t’Alla bħala persuna umana.

Ngħinu lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna biex jegħlbu problem partikolari fil-familji bħalma hi l-firda u l-bżonn tar-rikonċiljazzjoni.

Naħdmu flimkien biex neqridu l-mentalità, drawwiet u lingwaġġ li jpinġi lin-nisa u tfajliet fi sterjotipi negattivi u ma jagħtuhomx id-dinjità bħala persuni u ulied Alla.

Rispett għan-nisa

L-Ittra Pastorali tagħmel sejħa partikolari lill-irġiel biex jirrispettaw lin-nisa u jgħinuhom jiġġieldu għad-dinjità tagħhom.

Naraw li jkollna pulizija tal-komunità u strutturi oħra li jiggarantixxu ġustizzja lin-nisa u tfajliet meta dawn ikunu abbużati, vjolentati, stuprati jew maqtula.

Ninkoraġixxu lill-irġiel biex jitkellmu u jikkundanaw il-vjolenza li qed issir fil-familji u l-komunitajiet tagħna. Nappellaw lill-irġiel biex jistinkaw ħalli jkunu mudelli għall-ġuvintur tagħna.

Nistiednu lil kulħadd, irġiel, nisa u żgħażagħ biex ikunu mera tal-imħabba t’Alla.

L-Isqfijiet tal-Afrika t’Isfel temmew l-Ittra Pastorali tagħhom billi qalu li “nitolbu bil-ħerqa li dan l-Avvent jgħinna nippreparaw biex niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù Kristu “li twieled lil mara” billi nimpenjaw ruħna li jkollna djar, familji u soċjetà fejn ngħixu l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, il-fidi u t-tama li l-Anġli pproklamaw mat-twelid ta’ Ġesù Bambin: “Paċi fl-Art”.


 [MS1]