Ittra mill-Moviment Qlub Puri tal-Polonja lis-Sinodu

Waqt li kien għaddej is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ li ntemm nhar il-Ħadd li għadda, il-Papa Franġisku, l-Isqfijiet u l-parteċipanti l-oħra fis-Sinodu rċivew ittra minn grupp ta’ żgħażagħ Pollakki membri tal-Moviment Qlub Puri.

L-ittra li twasslet lis-Sinodu minn Kardinal Pollakk kienet tgħid hekk:

“Dan il-Moviment hu magħmul minn komunità ta’ żgħażagħ kattoliċi li jridu jgħixu skont il-kliem ta’ Ġesù meta qal “Imbierka dawk li huma puri f’qalbhom għax dawn għad jaraw lil Alla” (Mt 5:8). Il-membri ta’ dan il-Moviment jopponu l-mentalità kontemporanja u huma mpenjati li jgħixu d-diffikultajiet tal-ħajja bil-fidi, skont l-Evanġelju u t-tagħlim tal-Knisja Kattolika b’enfasi partikolari fuq it-Teoloġija tal-Ġisem li għallem San Ġwanni Pawlu II.

“Għalhekk huma jippruvaw jorganizzaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum biex ir-relazzjoni personali tagħhom ma’ Ġesù tkun l-aktar parti importanti tal-ġurnata tagħhom. Huma mpenjati li jqerru kull dnub biex jgħixu kontinwament fi stat ta’ grazzja. Jemmnu li t-triq tal-imħabba vera hi l-purità qabel iż-żwieġ u l-ħelsien minn kull vizzju u li hu possibbli li dan tista’ tagħmlu permezz tat-talb ta’ kuljum, tgħix ħajja sagramentali u li jaħdmu fuqhom infushom b’mod konkret biex jilħqu din il-mira.

“Il-Moviment Qlub Puri beda fl-1995, fl-uffiċċju editorjali tal-magazine “Love One Another!” li llum hu pubblikat fi 23 lingwa differenti u għandu ċirkolazzjoni ta’ 1.5 miljun kopja fis-sena u jilħqu l-artijiet tal-missjoni madwar id-dinja.

“Bħalissa hemm 15,000 żagħżugħ/a membri f’dan il-Moviment u l-patrun tagħhom hi l-Beata Karolina Koskowna – tfajla Pollakka ta’ 16-il sena li mietet martri biex tiddefendi l-verġinità tagħha.

“F’għaqda spiritwali mal-Papa u l-Isqfijiet Sinodali li qed jiltaqgħu f’Ruma, nitolbukom biex jekk jogħġobkom tenfasizzaw il-bżonn li tkun kultivatà l-virtù tal-kastità biex nilħqu l-ideal tal-qdusija Kristjana”, ittemm tgħid l-ittra.