“Ittra miftuħa” ta’ appoġġ għal Franġisku

Aktar minn 150 Kattoliku prominenti, fosthom isqfijiet, saċerdoti, akkadmeiċi u lajċi, nedew stqarrija favur il-Papa Franġisku wara li numru żgħir ta’ kardinali “kkoreġew” lill-Papa u qalu li dan qed jgħin biex tinxtered l-ereżija.
Il-firmatarji, fosthom tmien isqfijiet, qalu lill-Papa “l-inizjattivi pastorali tiegħek u l-ġustifikazzjoni teoloġika tagħhom qed ikunu attakkati bl-aħrax minn grupp żgħir fil-Knisja. Permezz ta’ din l-ittra miftuħa, irridu nesprimu l-gratitudni tagħna għat-tmexxija kuraġġjuża u teoloġikament b’saħħitha tiegħek”.
Huma ferħu lill-Papa li qed “ibiddel il-kultura pastorali tal-Knisja Kattolika", qalulu fl-ittra.
Dawk li ffirmaw din l-ittra jinkludu żewġ isqfijiet mill-Awstrija, Laszlo Solyom, eks-President tal-Ungerija, Wolfgang Thierse, eks-President tal-Parlament Ġermaniż, Charles Taylor, filosfu Amerikan, u Fr.Tomas Halik, rebbieħ tal-Premju Templeton.
Fost dawk li ffirmaw l-ittra hemm nies li fl-imgħoddi kitbu affarijiet meqjusa bħala kontroversjali dwar il-kontroll tat-twelid, l-abort, kontraċezzjoni responsabbli u s-saċerdozju għan-nisa.
Uħud mill-firmatarji huma wkoll membri tal-grupp “Aħna Knisja” li qed jitolbu tibdil kbir fil-Knisja, fosthom l-inklużjoni ta’ strutturi demokratiċi u li n-nisa jkunu jistgħu jiġu ordnati saċerdoti.
Iżda Fr. Paul Zulehner, wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-ittra miftuħa lill-Papa, qal li hekk kif il-Papa qed ikun ikkritikat bil-qawwi u ftit hemm min qed jiddefendih fil-beraħ, huma riedu “jagħtu vuċi lill-maġġoranza silenzjuża li tappoġġjah”.
Mistoqsi jekk kinux qed jittamaw li l-Papa Franġisku jiftaħ it-triq għas-saċerdozju tan-nisa, Fr. Zulehner qal li l-ittra miftuħa, apposta, ma tinkludix kwestjonijiet kontroversjali bħal dawn u l-ordinazzjoni tas-saċerdoti nisa mhix ta’ importanza partikolari fl-azzjoni li ħadu.