Ittra miftuħa liż-żewġ deputati mexxejja tal-Partit Nazzjonalista

Robert Arrigo David Agius1

Minn Salvu Felice-Pace

Nhar l-Erbgħa li għaddiet kont minn tal-ewwel li tfajt il-vot f’Għawdex u meta qgħadt bilqiegħda biex nimmarka s-salib fil-kaxxa ħassejt dieqa kbira li ma stajtx nivvota biex nikkonferma l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-kariga tiegħu. Għax għalija l-Kap tal-Partit minn dejjem kien politiku li stħajt ngħid xi ħaġa fil-pubbliku kontrih, jekk kelli xi kritika kont nagħmilha fejn kelli nagħmilha, iżda qatt pubblikament. Ma stajtx nimxi mar-regola ‘my leader right or wrong’, mal-kap fil-ħażin u fit-tajjeb, fil-każ ta’ Delia. 


Għeżież deputati mexxejja, nifhem li intom sibtu ruħkom f’qagħda diffiċli, iżda wara tliet voti ta’ sfiduċja f’Adrian Delia fi tliet organi tal-partit, naħseb li wasal il-waqt li intom it-tnejn tpoġġu l-partit qabel l-interessi ta’ Kap, li fl-SMS li bagħatli qabel il-votazzjoni talabni l-fiduċja u l-maġġoranza li tinkludi lili, dan m’għamilniehx. Illum Adrian Delia bl-insistenza tiegħu li jerġa’ joħroġ għall-elezzjoni tal-Kap qed iwaqqa’ għaż-żufjett dan l-eżerċizzju serju li l-Kunsillieri talbuna li nagħmlu.


Jiena veru li fl-aħħar elezzjoni għal Kap kont ivvutajt għal Chris Said, iżda ftit xhur ilu ktibt artiklu lit-Times of Malta biex inħeġġeġ lill-votanti Nazzjonalisti li ħalfu li qatt ma jivvutaw magħna sakemm Delia jibqa’ Kap għal raġunijiet varji, biex ipoġġu l-partit u lil Malta l-ewwel u qabel kollox u mhux jirriskjaw telfa storika li tkun tista’ ġġib gvern dittatorjali f’Malta, b’żewġ terzi tal-voti. Allura fl-artiklu lit-Times kont issuġġerejt li dawk il-votanti fl-elezzjoni ġenerali li jmiss fid-distretti li fihom ikun hemm Delia bħala kandidat, jivvutaw PN u jħallu lil Delia barra. Kont aċċettajt li Delia kien se jibqa’ sal-elezzjoni li jmiss u allura bil-vot tagħhom kienu jkunu ta’ gwida lill-PN dwar kif ħasbuha dwar Delia. Għal xi raġuni l-artiklu ma kienx deher fit-Times, iżda żammejt kopja. Kont aċċettajt li Delia kien il-Kap u daqshekk,sakemm ġraw ċerti affarijiet li bidlu kollox.


Meta nisma’ kunsillieri lokali Nazzjonalisti bħali f’distretti Nazzjonalisti u jsemmuli li Delia kien ‘a no, no’ għal eluf ta’ votanti minħabba l-mod kif Delia kien irridikola lil Daphne Caruana Galizia bħala biċċa blogger, nifhem li bħala partit għandna u kellna problema kbira b’Delia bħala Kap. Issa tistgħu tgħiduli li lil Delia ma tajniehx ċans li jaħdem. Iżda l-Kap huwa l-kap u kienet ir-responsabbiltà tiegħu li jibni l-pontijiet neċessarji ma’ diversi membri fil-partit u fis-soċjetà Maltija b’mod ġenerali. Dan Delia m’għamlux.


L-aħħar slogan tiegħu li jrid li l-partit isir il-partit tan-nies u mhux tal-ftit huwa għal kollox barra minn loku. Il-vot tal-Kunsill Ġenerali huwa riżultat li juri li Delia huwa l-Kap tal-ftit u mhux tan-nies fil-familja Nazzjonalista. Aktar ma jinsisti Delia li jkun parti mill-elezzjoni ta’ Kap, aktar se jagħmel deni lil partit u sta għalikom li toħorġu b’dikjarazzjoni li l-messaġġ tal-Kunsill Ġenerali intom fhimtuh u se tbaxxu raskom billi tagħtu parir lil Delia biex ma joħroġx għall-elezzjoni u jumilja lilu nnifsu aktar u miegħu jwaqqa’ għaż-żufjett il-proċess tant serju li se nidħlu għalih.

Minn Salvu Felice-Pace