Ittra lill-PM: “Erfa’ r-responsabbiltà; eħlisilna l-vapur”

F’ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat, organizzazzjoni ta’ salvataġġ Sea-Watch qalet li l-Gvern għandu responsabbiltà  ta’ kull mewta fuq il-baħar li setgħet ġiet evitata. F’din l-istess ittra, Sea-Watch talbet lill-Prim Ministru jagħti permess lil Sea-Watch 3, bastiment ta’ salvataġġ tal-istess organizzazzjoni, jitlaq mill-Port il-Kbir, sabiex tkun tista’ tkompli b’xogħolha.

Skont Sea-Watch, il-bastiment ilu jinżamm f’detenzjoni għal aktar minn xaharejn għal raġunijiet politiċi u mingħajr ġustifika legali. L-istess organizzazzjoni qalet li dan huwa attentat konxju tal-Gvern biex iwaqqafhom milli jsalvaw nies fil-bżonn fiċ-Ċentru tal-Mediterran.

L-organizzazzjoni saħqet li din l-attitudni mhix aċċettabbli għal stat kostituzzjonali, u ddeskrivietha bħala waħda “tal-mistħija”. Il-Gvern, fi kliem l-organizzazzjoni, ikkomunika r-ristrezzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu ta’ Sea-Watch 3 minn Malta permezz ta’ stqarrijiet, filwaqt li l-Awtorità tal-port irrifjutat it-talba biex il-bastiment jitlaq minn Malta. Skont Sea-Watch, l-Awtorità tal-Port għamlet dan b’mod mhux dokumentat u vag, b’nuqqas ta’ azzjoni uffiċjali.

Għal 70 ġurnata, Sea-Watch qalet li ppruvat tirriżolvi din il-problema fuq livell politiku. Sea-Watch stqarret li hija wriet trasparenza u diliġenza, waqt li osservat nuqqas ta’ konsistenza fir-relazzjoni tal-Gvern magħha, inkluż bidla kbira fl-attitudni u l-pożizzjoni tal-Gvern fil-komunikazzjoni tiegħu magħha.

Sea-Watch saħqet li l-Gvern waqqaf ftehim li ntlaħaq mal-Ministeru Malti għat-Trasport biex iħalli lil Sea-Watch 3 jitlaq mill-ibħra Maltin fl-aħħar t’Awwissu. L-organizzazzjoni stqarret li Transport Malta kien awtorizza lill-bastiment Sea-Watch 3 jitlaq mill-ibħra Maltin, b’kundizzjoni li ma jinnavigax f’ibħra Maltin mingħajr awtorizzazzjoni jew struzzjoni.

L-organizzazzjoni saħqet li ppruvat tasal għal kompromess mal-Gvern filwaqt li pprovdiet l-istatus korrett u regolari tal-bastiment bid-dokumentazzjoni neċessarja.

Ara kopja tal-ittra hawnekk.