Ittra lill-KE biex tinvestiga s-sitwazzjoni politika f’Malta

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, bagħat ittra miftuħa lill-Ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, dwar is-sitwazzjoni politika f’Malta.
Casa kiteb din l-ittra fid-dawl tal-kwerela li ressaq iċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, biex jiġi investigat il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Dan wara li l-ġimgħa l-oħra, Busuttil ressaq rikors il-Qorti, fejn talab biex tinfetaħ inkjesta kriminali dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi.
Fl-ittra miftuħa, l-Ewroparlamentari qal li wara r-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers u rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) li spiċċaw għand il-midja, huwa ċar li l-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi implimentaw bejniethom “skema kumplessa ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus malli kisbu l-poter fl-2013.”
David Casa fakkar lil Timmermans li minkejja li FIAU talbet lill-pulizija biex tinvestiga lil Schembri u lil Mizzi, qatt ma sar xejn. Kompla jfakkar li uffiċjal għoli tal-FIAU tkeċċa minn xogħlu għax fi kliemu stess “daħal fil-fond” ta’ dawn ir-rapporti.
L-ittra tispjega lil Timmermans, li għaddejin numru ta’ investigazzjonijiet kriminali fil-konfront ta’ Schembri u li dawn saru biss bis-saħħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni, għax fi kliem Casa, il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, injoraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-FIAU.
Dwar il-kwerela li ressaq Keith Schembri, il-Membru Parlamentari Ewropew qal li huwa każ bla preċedent f’Malta, li l-Kap tal-Oppożizzjoni se jitressaq il-Qorti u ddeskriva dan bħala abbuż mill-poter, li jrid jintimida lil dawk li jitkellmu kontra l-korruzzjoni.
David Casa temm iħeġġeġ lil Timmermans biex isir aktar familjari mas-sitwazzjoni f’Malta u biex il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni biex tipproteġi l-liġijiet (rule of law) u d-demokrazija f’Malta.