Filmat: Ittra li ġġorr kulma jista’ jintqal f’ħajjitna

Jien u Int - Marilyn Aquilina

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista JIEN U INT mill-kantawtriċi Marilyn Aquilina

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Thursday, August 20, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Jien u Int

Kantanta: Marilyn Aquilina

Kliem u mużika: Marilyn Aquilina

Id-diska Jien u Int nibtet mit-tiġrib simultanju ta’ konfużjoni, dubju u bżonn li jikkaratterizzaw ix-xewqa ta’ persuna biex tistqarr sentimenti ġenwini ma’ xi ħadd li diġà bena ħajt madwaru. Ir-realtajiet kurrenti kważi assurdi li qegħdin inġarrbu jaċċentwaw l-urġenza u r-riskju fit-teħid ta’ deċiżjonijiet importanti filwaqt li l-ħin għaddej bla ma jista’ jitwaqqaf. Din id-diska hija manifestazzjoni sempliċi iżda vulnerabbli tal-emozzjonijiet tal-kantawtriċi matul dawn l-aħħar xhur. Din l-istqarrija emottiva tieħu sura ta’ ittra li ġġorr kulma jista’ jintqal f’ħajjitna li kieku ma jkunx tard wisq.

Marilyn Aquilina. Ritratt: Joseph Agius Attard

Marilyn hija mużiċista, kantawtriċi u artista b’passjoni għal dak kollu li huwa kreattiv. Ħadet sehem f’diversi produzzjonijiet mużikali u teatrali, fosthom Strummin’ (2013-2018), Girls Like That (Masquerade, 2016) u Muso Merlot (Studio 18, APS Summer Festival 2020). Bdiet tesperimenta b’mużika oriġinali fl-2017 meta x-xewqa li tibda ddoqq il-kitarra saret realtà. Minkejja li ilha sena biss titħarreġ professjonalment fil-kant u fl-arti performattiva, Marilyn grata ħafna lejn il-familjari, ħbieb, artisti u s-Salesjani ta’ Don Bosco li raw potenzjal fiha u ħeġġewha biex tkompli tiżviluppa t-talenti tagħha.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.