Ittra Ġudizzjarja biex il-MEPA ma tiddeċidix għalissa dwar it-tanker tal-LNG

Is-Segretarju tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd u l-mara tiegħu ressqu Ittra Ġudizzjarja kontra l-MEPA bil-għan li ma tiddeċidix favur li t-tanker bl-LNG jibda jankra fil-bajja ta’ Marsaxlokk sakemm ma jsirx studju dwar l-impatt marittimu.

Il-koppja Bugeja ppreżentaw l-Ittra Ġudizzjarja fuq livell personali għax huma mħassba dwar l-ammont kbir ta’ gass li se jibda jinħażen fil-bastiment ankrat fin-nofsinhar ta’ Malta.  Fuq l-għatba tal-Qorti qalu li ħafna mix-Xlukkajri huma ddiżappuntati li l-Gvern qed ipoġġi ħajjet ir-residenti fil-periklu

Argumentaw li l-liġi tesiġi li qabel ma tittieħed deċiżjoni, il-MEPA jrid ikollha f’idejha studju dwar l-impatt fuq l-ambjent.  Nhar it-Tnejn li ġej il-Bord tal-MEPA mistenni jiltaqa’ biex jiddeċiedi dwar il-proġett tal-ħażna tal-gass.

L-Ittra Ġudizzjarja hi indirizzata liċ-Ċermen tal-MEPA Vince Cassar u l-Kap Eżekuttiv Johann Buttigieg.  Kienet iffirmata mill-avukata esperta fil-Liġi Marittima Anne Fenech u fakkret li l-MEPA kienet wegħdet li se jsir l-istudju.