Ittella’ l-qorti għax reġa’ għamel kuntatt mat-tfajla ta’ 15-il sena

Read in English.

Raġel li ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li abbuża mit-tfajla tiegħu li kellha 15-il sena, qal li mhux minnu li pprova jagħmel kuntatt magħha mill-ġdid wara s-sentenza. Ir-raġel għandu 25 sena u joqgħod il-Ħamrun.

L-Ispettur qal li wara li nħeles mill-arrest il-Pulizija rċiviet informazzjoni li tgħid li l-akkużat kien qed jagħmel kuntatt mat-tfajla. In-nannu tat-tfajla xehed u qal li fl-20 ta’ Lulju t-tfajla ħarġet mid-dar biex tagħmel qadja u hu raha tidħol f’van. In-nannu qal li għaraf lill-akkużat iżda dan saq. Hu qal li malli ra hekk mar għand il-pulizija. Nannuha qal li l-akkużat kien jheddidha li joqtolha jekk tasal titilqu.

Omm it-tfajla qalet li saret taf li bintha għandha mowbajl li kienet qed tużah biex tikkomunika mal-akkużat. Meta affaċjatha, it-tfajla bdiet tibki u qalet li l-akkużat ma waqafx idejjaqha. Min-naħa tagħha, it-tfajla qalet li waqt li kien il-ħabs, kien ikellimha darbtejn f’ġurnata u darba fost l-oħrajn kien qalilha li kien se joħroġ. Hi marret għandu d-dar u għamlu madwar siegħa jitkellmu. It-tfajla qalet li dakinhar kienet qalet lill-ommha li kienet ħierġa tixtri. Dakinhar ommha marret tħabbat fuq il-bieb tal-akkużat u t-tfajla kienet staħbiet biex ma tarajhiex.

L-għada l-akkużat ried li jerġgħu jiltaqgħu għax xtaqt li jirranġa l-affarijiet. It-tfajla qalet li ltaqgħu f’bypass għax hemm xtaq li jiltaqa’ magħha u nannuha inzerta rahom.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat kien spiċċa l-kura psikoloġija, iżda fuq rikweta min-naħa tad-difiża, ġie appuntat psikologu biex jevalwa mill-ġdid lir-raġel.

L-akkużat ma talabx ħelsien mill-arrest.