Itolbu għar-riżenja ta’ Muscat – Busuttil lill-Ewropej

Prime Minister of Malta Joseph Muscat
Prime MInister Joseph Muscat

Id-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jintervjenu għas-salvazzjoni tad-demokrazija f’Malta u jitolbu għar-riżenja ta’ Joseph Muscat.

“Għandna bżonn l-għajnuna tagħkom issa, qabel ma jkun tard wisq”, żied jgħid Busuttil.

Huwa qed jappella lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen, lill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli, biex jieħdu azzjoni.

Ilbieraħ, Keith Schembri rriżenja minn Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi minn Ministru, filwaqt li Chris Cardona ssospenda lilu nnifsu.

“Gvern li joqtol liċ-ċittadini tiegħu mhux postu fl-UE” – Casa

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa sostna li Gvern lo joqtol liċ-ċittadini tiegħu mhux postu fl-Unjoni Ewropea. Fi stqarrija, Casa qal li hu talab lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tieħu azzjoni fid-dawl tal-mod rapidu li fih qed timxi l-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’ittra, Casa insista li l-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat għadu jokkupa l-irwol tiegħu qed jippreġudika l-investigazzjoni fl-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u dawk li kellhom x’jaqsmu miegħu.