“Itolbu biex is-Sinodu tal-Familja jnissel tama f’min m’għandux” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech, fil-festa tal-Madonna Ta’ Pinu ċċelebrata llum, ħeġġeġ lill-kongregazzjoni miġbura fis-Santwarju Ta’ Pinu biex titlob ħalli s-Sinodu dwar il-Familja, f’Ottubru li ġej, jisma’ l-karba ta’ dawk li jinsabu f’diffikultà u jnissel tama f’min m’għandux.
L-Isqof Grech qal li l-Papa qed jerġa’ jsejjaħ lill-Isqfijiet għal darb’oħra għax qed jisma’ l-karba tal-familji.
Spjega li llum stess, se jibgħat ittra lill-Papa biex jinfurmah li f’dan il-jum ta’ festa, il-poplu talab u ħa mpenn li jkompli jitlob għas-suċċess tas-Sinodu biex ikun hemm messaġġ pożittiv li jqanqal it-tama.
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof t’Għawdex rabat il-festa tal-Madonna Ta’ Pinu mal-Evanġelju tal-lum, dik tal-festa tat-tieġ ta’ Kana.
Spjega li jilmaħ xebħ kbir bejn Kana tal-Galilea u s-Santwarju Ta’ Pinu li fih jirrikorru ħafna għarajjes u miżżewġin li jitolbu lil Marija u Ġesù jakkumpanjawhom fl-esperjenza tal-imħabba.
Bl-istess mod, huma ħafna dawk li jfittxu s-Santwarju f’mumenti ta’ niket u uġigħ.
L-Isqof t’Għawdex irrefera b’mod speċifiku għal dawk li jikkoabitaw minħabba l-biża’ tal-impenn taż-żwieġ, għall-miżżewġin biż-żwieġ ċivili li ma sabux il-kuraġġ biex ibierku ż-żwieġ b’sagrament, għas-separati jew divorzjati, speċjalment għal dawk li kienu mġiegħla jgħaddu minnha.
Semma’ wkoll lid-divorzjati li daħlu għal żwieġ ieħor, flimkien ma’ lista ta’ persuni u koppji li jirrikorru għas-Santwarju Ta’ Pinu u jitolbu lill-Madonna biex, fi kliemu, “tinterċedi għalihom quddiem Ġesù għaliex naqsilhom l-inbid”.
Spjega li l-Knisja ma tistax ma tagħtix każ ta’ din il-parti mhix żgħira tal-poplu t’Alla. Fl-istess ħin, sostna li l-ġrajja ta’ Kana hi mimlija tama anke għall-koppji li “naqsilhom l-inbid” għax Ġesù ġie fid-dinja biex jakkumpanja u jfejjaq, u biex “fejn hemm id-diżordni tinfetaħ ix-xmara ta’ mħabba t’Alla”.
Insista wkoll li l-Insara għandhom dmir li jressqu lil ħaddieħor biex iduqu l-qawwa fejjieda ta’ Kristu, u li jnisslu t-tama f’min tilifha biex il-glorja t’Alla tidher f’kull familja.