“Itlaq issa” – Simon Busuttil lill-Prim Ministru; il-PL iwieġeb

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-Prim Ministru biex jitlaq “issa”, f’ġieħ is-sewwa, l-interess nazzjonali u l-pajjiż.
F’diskors imqanqal waqt attività politika fis-Siġġiewi, Dr Busuttil ħeġġeġ lill-poplu Malti biex illum waranofsinhar jingħaqad flimkien u jaqsam miegħu r-responsabbiltà biex jgħaddi messaġġ ċar li l-pajjiż irid joħroġ mill-isqaq li l-Gvern daħħlu fih.
Simon Busuttil qal li din is-sejħa mhix biss għan-Nazzjonalisti, imma anke għal-Laburisti u dawk bi twemmin politiku ieħor.
"Kriżi li qatt ma rajna bħalha f'Malta"
Iddeskriva l-mument li għaddej minnu l-pajjiż bħalissa bħala wieħed delikat, hekk kif jinsab maħkum minn "kriżi politika u kostituzzjonali li probabbli qatt ma rajna bħalha f’Malta". Saħaq li din hi sitwazzjoni li ġabha b’idejh il-Prim Ministru, u li għall-ewwel darba f’Malta, Prim Ministru jinsab taħt investigazzjoni u inkjesta Maġisterjali.
Il-Kap tal-PN insista li dan qed jiġi rikonoxxut minn kulħadd u mhux min-Nazzjonalisti biss. Semma d-diversi editorjali fil-gazzetti tal-lum, li fost l-oħrajn qed isejħu għar-riżenja tal-Prim Ministru u għat-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija. Oħrajn jgħidu li hawn kriżi fit-tmexxija tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet, filwaqt li żewġ editorjali jgħidu Game Over: Wieħed għal Simon Busuttil u l-ieħor għall-Gvern.
Simon Busuttil semma wkoll kif il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed toħroġ sensiela sħiħa ta’ affarijiet li joħolqu inkwiet kbir.
“Pilatu ma ħasilx biss idejh, imma anke l-provi”
Il-Kap Nazzjonalista rrefera għal dak li qed jiġi rrappurtat dwar il-Bank Pilatus, fost l-oħrajn għall-filmat impressjonanti li juri lil sid il-Bank ħiereġ mill-Bank f’Ta’ Xbiex fis-satra tal-lejl, b’żewġ bagalji f’idejh. Stqarr li dan seħħ wara li ġie allegat li l-kumpanija Egrant fil-Panama hi ta’ mart il-Prim Ministru.
Iddeskriva l-filmat bħala wieħed impressjonanti u li kien qisu xena minn film tal-mafja.
Simon Busuttil sostna li minkejja li “Pilatu ma ħasilx biss idejh imma anke l-provi, l-Oppożizzjoni mhix se tħallih.”
"Id-demostrazzjoni se ssir fuq xi ħaġa li ma teżistix" – PL
Il-Partit Laburista rribatta bi stqarrija li tgħid li d-demostrazzjoni se ssir fuq xi ħaġa li ma teżistix u li Simon Busuttil tefa' t-tajn mingħajr qatt ma wera prova waħda. Żied jgħid li wara ii qal li l-bagalja suppost fiha provi minn ġo safe, bidel il-verżjoni "meta sar magħruf li s-safe qatt ma eżista".