
Read in English.
Il-gazzetta The Guardian qed tirrapporta li l-Ewroparlamentari liberali Olandiża Sophie in ‘t Veld qalet li l-Prim Ministru Muscat għandu jitlaq immedjatament.
Sophie in ‘t Veld qed tmexxi l-missjoni tal-Parlament Ewropew li ntbagħtet b’urġenza f’Malta wara l-aħħar żviluppi li saru fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-kriżi legali u politika li laqtet lil Malta wara dawn l-iżviluppi.
Hija qalet lill-ġurnalisti li la Muscat u lanqas il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ma serrħulha rasha b’li qalu.
“Naħseb li kulħadd, saħansitra il-Prim Ministru stess, jagħraf li għamel żbalji serji ta’ ġudizzju. Naħseb li d-deċiżjoni li jibqa’ f’postu hija żball ieħor ta’ ġudizzju”, qalet lill-ġurnalisti.
Hija qalet ukoll li l-investigaturi fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qed jagħmlu biċċa xogħol professjonali.