“Itfgħalhom petrol u lighter”; L-MPA tikkundanna kliem ta’ mibegħda fuq il-Pulizija

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija f’Malta qiegħda tikkundanna l-kliem ta’ mibegħda li nkiteb online fil-konfront tal-Pulizija.

Grupp fuq Facebook bl-isem Malta & Gozo Roadblocks, Accidents & Road Closures sikwit ikun mimli kummenti ta’ nies fuq ċitazzjonijiet li qalgħu, problemi ta’ traffiku jew kwalunkwe problema li wieħed jista’ jiltaqa’ magħha fit-triq.

F’kitbiet partikolari dwar sewqan eċċessiv, dehru għadd ta’ kummenti ta’ nies li kellhom kliem ta’ mibegħda x’jgħidu dwar membri tal-Korp tal-Pulizija.

B’reazzjoni għal dan, l-Assoċjazzjoni talbet intervent u investigazzjoni min-naħa tal-Korp tal-Pulizija. Talbet li l-persuni konċernati jitressqu l-Qorti.