“Itfa’ għajnejk fuq il-bejgħ taċ-ċittadinanza f’Malta” – Tajani lill-KE

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani insista li l-Kummissjoni Ewropea għandha bżonn tosserva mill-qrib l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza b’investiment f’Malta.
Mal-ġurnal Taljan La Repubblica, Tajani irrefera għal xejriet f’Malta, fosthom dwar ir-rispett lejn il-liġi, li ddeskriva bħala inkwetanti.
Saħaq li li l-Ewropa għandha tissorvelja lil Malta bl-istess mod bħall-Polonja u l-Ungerija. Enfasizza li l-Kummissjoni trid timxi mal-pajjiżi b’mod ugwali.
Irrimarka li jekk Malta ma tiġix issorveljata, wieħed ma jistax jargumenta mal-President Russu Vladimir Putinu u mal-President Tork Recep Tayyip Erdogan.
Antonio Tajani sostna li l-passaporti Ewropej m’għandhomx jinbiegħu, mill-inqas sakemm tkun ivverifikata b’mod rigoruż l-identità tal-persuna, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, terroriżmu u ħasil ta’ flus.
Semma l-Mafja Russa u li mhux ġust li jiġu rriċiklati l-flus fl-Ewropa minħabba l-passaporti Maltin.
Qal ukoll li qatt mhu tard li l-awtoritajiet Maltin jinvestigaw il-Bank Pilatus, wara l-arrest ta’ sid il-Bank fl-Istati Uniti fil-ġimgħat li għaddew.
“Kull investigazzjoni li ssir m’għandux ikollha l-għan li tqabbad partit politiku ma’ ieħor, imma li toħroġ il-verità”, kompla jgħid.
Il-President tal-Parlament Ewropew kien minn ta’ quddiem fost dawk li talbu għall-ġustizzja fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Kien qal li minbarra li jsir magħruf il-qattiel, hemm bżonn li jinqabdu l-omm u l-missier tal-assassinju.