Itenni li Cardona hu “korrott” u “giddieb”; jitlob reviżjoni tar-ruling

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi talab li r-ruling li nħareġ fuqu mill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia jiġi rivedut u jsir rapport fuqu mill-Kamra u r-rapport jitniżżel fil-minuti tal-proċeduri tal-Kamra.

Azzopardi nstab ħati ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-eks Ministru Chris Cardona. Cardona qajjem il-każ nhar it-Tnejn meta reġa’ beda l-Parlament, meta ġibed l-attenzjoni tal-Ispeaker u talab ruling għax fuq Facebook Azzopardi sejjaħlu giddieb u korrott.

Fil-mozzjoni tiegħu, il-membru parlamentari ġġustifika għemilu billi tenna li Cardona “huwa giddieb u huwa korrott” għax sejjaħlu “fatt, u mhux spekulazzjoni, li tkun Ministru, li tieħu ġurament falz,  tiżżagħbel fi briedel meta suppost ikun fuq xogħol Ministerjali, tberbaq u tabbuża mill-fondi pubbliċi, ma tagħtix rendikont għall-infiq minn fondi pubbliċi, tgħix ħajja li l-mezzi dikjarati tagħha ma jippermettuhiex u li huwa ħobża u sikkina ma’ persuni midħla fid-dinja tal-kriminalità organizzata, inkluż ma’ mandanti f’assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.”

Azzopardi argumenta li dan ir-ruling għandu implikazzjonijiet serji fuq l-imminar tal-eżerċizzju tad-dritt tal-espressjoni politika mill-membri parlamentari. Aktar minn hekk, huwa saħaq li hu dmir kull membru parlamentari mill-Oppożizzjoni li jżomm taħt skrutinju għemil il-Gvern. Sejjaħ “inkonċepibbli” li l-Ispeaker jiċċensura dak li jinkiteb jew jintqal minn xi membru parlamentari barra mill-Kamra.

Skont Azzopardi, “is-Sedja, bi preċedent perikoluż, arrogat lilha nnifisha d-dritt li tiċċensura, ixxekkel u ssikket id-dibattitu politiku li jseħħ barra mill-Kamra f’materja li m’għandha ebda impatt fuq ix-xogħol parlamentari u b’hekk effettivament saret l-argużin u l-keffiena tad-dibattitu politiku, minflok irrikonoxxiet li kien hemm u għad hemm liġijiet li Membru Parlamentari jista’ jagħmel użu minnhom għal rimedju fil-Qrati tagħna jekk iħoss li jkun ġie inġurjat.”