Aġġornata (2): Barranin midruba f’attakk fl-Italja

Mill-inqas erba’ persuni sfaw midruba wara li raġel fetaħ in-nar fuq numru ta’ persuni li kienu mexjin fl-Italja.
L-attakk seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar fil-belt ta’ Macerata fejn ir-raġel fetaħ in-nar minn ġo karozza li kien passiġġier fiha waqt li raġel ieħor kien qed isuqu madwar il-Belt.
Skont il-midja internazzjonali l-agressur kellu fil-mira tiegħu persuni ta’ karnaġġjon skur.
Il-Pulizija Taljana wettqet tfittxija intensiva għall-vettura u investigat filmati minn kameras tas-sigurtà minn fen għaddiet il-karozza biex din tinstab mil-aktar fis hekk kif allegatament din baqgħet iddur mal-Belt.
Is-Sindku ta' Macerata flimkien mal-Pulizija appellaw lill-pubbliku biex jibqa' ġewwa hekk kif avżaw lill-pubbliku li hemm raġel li kien qed isuq mal-Belt u jispara fuq in-nies.
Fuq Twitter il-Pulizija kkonfermat li ndarbu żewġ żgħażagħ, raġel u mara, kollha ta' nazzjonalità barranija.
Arrestat l-agressur
Ftit wara s-1pm il-Pulizija kkonfermat li qabdet lill-agressur.
Skont il-midja internazzjonali r-raġel instab b'bandiera tal-Italja marbuta ma' għonqu.
L-isparar seħħ fil-partijiet ta’ Macerata fejn qed ikun investigat id-delitt ta’ tfajla ta’ 18-il sena li nhar l-Erbgħa nstabet mejta. Il-Pulizija bħalissa qed iżżomm raġel ta’ nazzjonalità Niġerjana arrestat fuq suspett b’rabta’ ma’ dan id-delitt.
Rapporti fil-midja Taljana qed jallegaw li dawn iż-żewġ inċidenti huma relatati.