Italja: Bomba tal-ilma tħalli 4 persuni mejta

Erba’ persuni tilfu ħajjithom u madwar 20 persuna qed isoffru minn ġrieħi wara li bomba tal-ilma, ikkawżata minn maltemp kbir, laqtet ir-raħal ta’ Refrontolo fir-reġjun tal-Veneto fl-Italja.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax tal-bieraħ filgħaxija waqt ċelebrazzjoni kulturali u tradizzjonali li ssir kull sena maġenb kaskata. 
Jidher li waqt iċ-ċelebrazzjoni bdiet nieżla xita qawwija u f’salt wieħed nixxiegħa li tinsab fil-viċin faret u kaxxkret dak kollu li sabet fin-nofs.
Xhieda li kienu fuq il-post qalu ma’ midja internazzjonali li xi wħud irnexxilhom jitilgħu mas-siġar iżda oħrajn tkaxxkru mat-tined, karozzi u zkuk mill-kurrent.
Esperti qed jgħidu li l-inċident seħħ għax fin-nixxiegħa beda jinġabar ħafna materjal, li beda jżomm l-ilma. Meta l-barriera li nħolqot mill-materjal ma felħitx iżjed, ċediet bil-konsegwenza li l-ilma nieżel f’salt u kaxkar kollox.