Itajjar turist wara attakk ta’ epilessija; mhux ħati

Raġel li kien intilef minn sensih sakemm kien qed isuq ma nstabx ħati bil-qtil ta’ Rainer Mader, turist Ġermaniż.

Il-każ seħħ fl-2015, hekk kif Mario Gatt, is-sewwieq li jsofri minn kundizzjoni medika fejn f’xi waqtiet jintilef minn sensih wara li ttih epilessija, baqa’ dieħel f’żewġ karozzi u laqat lil Mader li kien fuq il-post ħdejn il-vetturi.

Gatt sostna li fi żmien l-inċident, kien diġà qed jieħu mediċina għall-kundizzjoni tiegħu, iżda qatt ma kienet tagħtu epilessija fuq dak il-livell, u qatt sakemm kien qed isuq. Barra minn hekk, huwa qatt ma ġie mwissi biex ma jsuqx minħabba l-kundizzjoni tiegħu, għalkemm ġie mwissi biex ma jgħumx fil-fond, u biex ma jitlax slielem.

Għalkemm il-Qorti sabitu b’pussess ta’ 0.46 gramma kannabis, ġie determinat li m’użax kannabis u ma xorobx alkoħol qabel saq. Għalhekk, kellu jħallas biss multa ta’ €75 tal-pussess.

Il-Qorti sabitu mhux ħati tal-qtil ta’ persuna b’sewqan negliġenti, jew nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ liġijiet.  Hu lanqas ma ġie mwaqqaf milli jsuq.

Għal Gatt deheru l-Avukati Joseph Giglio u Quentin Tanti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-
Ispetturi Jonathan Ransley u Jason Francis Sultana.