“It-twissija hija prassi” – Joseph Muscat

Read in English.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat sostna li meta persuna tiġi interrogata mill-Pulizija, li tingħata twissija hija prassi.

Dan qalu b’reazzjoni għal dak li ntqal fil-qorti llum fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dr Jason Azzopardi mill-parte civile staqsa lill-Ispettur Kurt Zahra mill-Prosekuzzjoni waqt il-kontro-eżami jekk Muscat ġiex mitkellem “taħt caution” meta ġie interrogat fid-Depot ġimagħtejn ilu. L-Ispettur ikkonferma li dan kien minnu.

Fuq Facebook, Muscat qal li hu staqsa lill-pulizija li kienu qed jinterrogawh jekk kienx qed jiġi investigat dwar il-qtil tal-ġurnalista, u dawn qalulu, on the record, li mhuwiex qed jiġi investigat u li ssejjaħ minħabba allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu.

Bħala kjarifika fuq dak li ntqal illum fil-Qorti, nikkonferma li staqsejt "on the record" jekk hux qed nigi investigat…

Posted by Joseph Muscat on Monday, August 31, 2020

Stqarr li wieġeb għall-mistoqsijiet kollha tal-pulizija u li kien hemm fatti li jmeru l-kontenut ta’ stqarrija li ngħatat lill-pulizija minn ħaddieħor.

Temm jgħid li, “Minkejja l-attentat kontinwu u sistematiku biex jien niġi mħammeg, il-fatti ma jmerihom hadd. U l-akbar fatt li jixhed li għamilt dmiri hu li wasal żblokk tant sinifikanti f’dan il-każ.”

Isem Dr Muscat reġa’ tfaċċa fil-qorti llum ukoll meta Dr Jason Azzopardi beda jaqra mill-istqarrija li Yorgen Fenech ta lill-Pulizija meta ġie arrestat f’Novembru li għadda. Fiha, issemmiet chat bejn Fenech, Joseph Muscat u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru.

L-Ispettur Zahra llum qal li l-Pulizija kkonfermat mill-investigazzjonijiet tagħha li din iċ-chat veru kienet teżisti. Fenech qal li kienu qishom aħwa.

Il-ġimgħa li għaddiet, Muscat ukoll issemma kemm-il darba fil-qorti billi Dr Azzopardi kien qed jaqra mill-istqarrija ta’ Fenech. Ingħad, pereżempju, li Muscat kien jaf bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u staqsa lil Fenech jekk lil Melvin Theuma jafdahx. Dan allegatament qalulu waqt laqgħa li saret f’Kastilja bejn Fenech, Muscat u Schembri s-sena li għaddiet. Lil Fenech stiednu wkoll għall-party ta’ għeluq sninu fil-Girgenti.

Għal dak li ħareġ mill-qorti l-ġimgħa l-oħra, Muscat irreaġixxa billi qal li huwa ċar li Fenech qed jipprova jħammġu.