“It-twessigħ tat-triq f’Ħal Lija hu ddestinat biex ifalli u jgħarraq is-sitwazzjoni” – BAG

Il-Bicycling Advocacy Group (BAG) qal li t-twessigħ ta’ Triq in-Naxxar f’Ħal Lija se jkun qed iżid u mhux inaqqas it-traffiku.
Fi stqarrija, il-BAG qal li malli titwessa, mit-triq se jibdew jgħaddu aktar mill-2,400 karozza fis-siegħa li qal li jgħaddu l-Ministeru għat-Trasport. Għaldaqstant il-grupp qal li se jiżdied it-tniġġiż, l-istorbju, il-periklu u l-inkonvenjent għar-residenti.
Dwar dawk li jivjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, il-BAG qal li t-triq se ssir ħafna aktar perikola u jibża’ li wħud minn dawk li jużaw ir-rota se jispiċċaw jibdew jużaw il-karozza.
Fl-istqarrija, BAG irrefera għal dak magħruf bħala induced demand, jiġifieri li meta jiżdiedu t-toroq jiżdied it-traffiku, u viċi versa.
“Id-densità ta’ toroq f’Malta hija waħda fost l-ogħla fl-Ewropa, u dan hu li ġabna fis-sitwazzjoni li qegħdin,” qal il-Grupp.
Dwar ir-rampa li qed tinbena biex traffiku li jkun sejjer lejn Triq Dun Karm ma jdurx mar-roundabout, il-BAG qal li se toħloq problema serja għal min ikun bir-rota għax biex wieħed jibqa’ sejjer dritt lejn ir-roundabout se jkollu joqgħod fit-tieni karreġġjata, bil-karozzi jaqbżuh miż-żewġ naħat.
Apparti minn hekk jinnota li  r-rampa se jkun fiha l-parkeġġ paralleli u għalhekk qal li se joħloq periklu għal min juża r-rota.
L-istqarrija ttemm tgħid li dan huwa proġett iddestinat biex ifalli u jgħarraq is-sitwazzjoni.
Fl-aħħar jiem residenti lmentaw ma’ Newsbook.com.mt li spiċċaw priġunieri f’darhom għax ma għandhomx aċċess għat-triq fejn joqogħdu minħabba x-xogħlijiet.
Dwar dan, Newsbook.com.mt għadu qed jistenna tweġiba mill-Ministeru u anke minn Transport Malta.