“It-twessigħ tat-toroq miżura għal qasir żmien” – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) saħaq li toroq aktar wiesa’ kull ma se jagħmlu jżidu l-karozzi fit-toroq peress li l-mira mhix li jkun hawn sistema ta’ trasport tal-massa aċċessibbli u affidabbli. Saħaq li t-twessigħ tat-toroq hija miżura għal qasir żmien.
Il-PD qal dan fi stqarrija fejn saħaq li  l-baġit li jmiss għandu jiffoka fuq it-tibdil fil-klima, saħħet il-baħar u t-tkabbir ekoloġiku. Dan għaliex effetti ħażiena fuq il-biodiversità u l-ħajja umana se jaffettwaw pajjiż żgħir b’mod partikolari.
Il-partit sejjaħ lil Gvern biex iniedi inċentivi fil-baġit biex iħajjar l-użu ta’ vetturi li ma jniġġsux. Dan billi jniedi inċentivi għall-karozzi li jużaw l-elettriku, u studji dwar jekk karozza li jużaw diesel u petrol jistgħux jiġu konvertiti għal LPG fuel.
Barra minn hekk, saħaq li Malta għandha bżonn taddotta teknoloġiji ta’ emissjonijiet baxxi, infrastruttura ekoloġika, produzzjoni ta’ enerġija nadifa, u tnaqqis fl-emissjonijiet industrijali u tat-trasport.