“Miniex beżgħana mill-virus iżda rrabjata” – mara tqila

Reuters

Read in English.

It-twelid ta’ tarbija ġdida huwa avveniment ta’ aspettattiva u ferħ fil-familji iżda r-realtaijiet tal-pandemija biddlu d-dinja kif nafuha ta’ taħt fuq. Biex tipprepara għat-twelid tal-ewwel tarbija tagħha, Veronika Legat, avukat ta’ 35 sena mir-Repubblika Ċeka, qatgħet kull kuntatt minn mal-familja u l-ħbieb tagħha f’dan il-mument delikat.

L-isptar tagħha diġà avżaha li jekk ikollha xi sintomu ta’ riħ jew deni, it-tarbija, li mistennija aktar tard dan ix-xahar, ikollha tiġi iżolata għal ġimagħtejn bħala prekawzjoni kontra l-marda l-ġdida. Barra mill-fatt li tkun qed titlef kuntatt mat-tarbija tagħha fl-ewwel ġranet ta’ ħajja, Veronika tista’ titlef ukoll l-opportunità li tredda’ lit-tarbija.

“Miniex beżgħana mill-virus iżda ninsab irrabjata”, spjegat Legat mid-dar tagħha fi Praga. “Se jkolli nibqa’ d-dar sat-twelid, u mhu se niltaqa’ ma’ ħadd.” Hekk kif il-pandemija kompliet tinfirex fl-Ewropa, nisa bħal Legat qed iħejju għall-mument ta’ twelid b’taħlita ta’ ansjetà u tama. Hemm il-biża’ li jinfirdu minn uliedhom, id-dispjaċir li s-sieħeb jista’ jitlef dan il-mument ta’ darba – anke l-appuntamenti mediċi ta’ qabel it-twelid qed jitnaqqsu.

Fir-rigward ta’ x’jiġri waqt u wara t-twelid, awtoritajiet differenti qed jimplimentaw regolamenti differenti, sinjal ta’ inċertezza dwar kif jaġixxi l-virus u kif wieħed l-aħjar jipprevenih. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) stqarret li m’hemm l-ebda evidenza li nisa tqal jinsabu f’riskju akbar iżda numru ta’ pajjiżi xorta adottaw miżuri aktar restrittivi. Per eżempju, il-WHO tirrakkomanda li nisa li jinstabu pożittivi m’għandhomx jiefqu milli jreddgħu lill-uliedhom.

Biża’ li jispiċċaw waħidhom

Marika Antolec-Walczak, li għandha 34 sena u hija maġistrat minn Tychy, fin-Nofsinhar tal-Polonja, tinsab inkwetata mill-fatt li l-eqreb sptar kien trasformat f’ċentru dedikat għall-pandemija u għalhekk f’każ ta’ twelid prematur, kienet se ssib ruħha f’diffikultà. Iżda l-akbar tħassib tagħha hu li tispiċċa waħedha. “Din hija t-tielet tarbija tiegħi. Fl-ewwel tnejn, ir-raġel kien indispensabbli biex jgħini nissapporti l-uġigħ”. Diversi sptarijiet fil-Polonja qed jipprojbixxu li n-nisa jkunu akkumpanjati waqt it-twelid, minkejja li dan mhux dak li tirrakkomanda l-WHO. Madankollu, Michal Bulsa, tabib Pollakk spjega li “il-preżenza ta’ persuna oħra żżid ir-riskju għall-pazjent, it-tarbija, iżda anke għall-persunal mediku – jien kieku ma nippermettihx”.

Dawn mhumiex l-uniċi sfidi li qed jaffrontaw nisa li se jsiru ommijiet dalwaqt. Numru ta’ nisa tqal intalbu ma jaslux l-isptar kmieni wisq, biex inaqqsu r-riskji. Iżda din mhix deċiżjoni faċli, speċjalment għal min se jwelled l-ewwel darba. Anke x-xiri ta’ ħwejjeġ u tagħmir ieħor għat-tarbija sar diffiċli b’ħafna ħwienet magħluqin.

Valentina Draghi, terapista tad-diskors ta’ 41 sena minn Milan, waqfet mix-xogħol fi Frar, u mistennija twelled il-ġimgħa d-dieħla. Kienet pjanat li matul ix-xahar li għadda tixtri dak kollu li hemm bżonn u tattendi kors ta’ qabel it-twelid. “Minn dak kollu li pjanajt, ma sar xejn. S’issa s-sieħeb tiegħi jista’ jkun preżenti iżda sakemm nasal biex inwelled ma nistax ngħid x’se jiġri. L-akbar biża’ tiegħi hi li ma jdaħħluhx…naf li postijiet oħra diġà qed jagħmlu hekk”.  Hi taf biss li se jkollha tgħaddi mill-proċess ta’ twelid liebsa maskla ta’ protezzjoni. “Din hi l-ewwel tqala tiegħi, għandi 41 sena u nixtieq li tkun esperjenza unika u importanti”.

Louise Koldsgaard spjegat kif biex iżżomm kalma qed tafda fis-sistema tal-kura tas-saħħa ta’ pajjiża, id-Danimarka. “Il-qabla tiegħi qaltli li l-wards tal-maternità qatt ma kienu nodfa daqskemm huma llum. Qed nipprova ma naħsibx wisq. Xorta għadni noħroġ dawra bil-kelb u nieħu belgħa kafe’ fil-ħanut ta’ ħdejja.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn