“It-twaqqif tas-servizzi psikjatriċi tal-outpatients deċiżjoni mill-agħar”

Read in English.

Id-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà Prof. Andrew Azzopardi qal li t-twaqqif tas-servizzi tal-psikjatrija fl-outpatients hija waħda mill-agħar deċiżjonijiet fi żmien meta l-anzjetà żdiedet minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Fuq il-paġna tal-Fakultà fuq Facebook ilbieraħ, id-Dekan fisser li bħalissa, il-pandemija żiedet it-tħassib fost in-nies, u dawk li jbatu bl-anzjetà hemm aktar ċans li għaddejjin minn żmien diffiċli. Għalhekk, mhuwiex għaqli li jitwaqqfu dawn is-servizzi.

Dan billi t-tobba kienu għaddejjin bi strajk peress li mhumiex sodisfatti bl-aġir tal-Gvern fil-konfront tal-imxija tal-coronavirus, issa li żdiedu sew il-każijiet. Malta bħalissa għandha 505 każijiet attivi tal-coronavirus. Madankollu, dalgħodu, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ħabbret li d-direttivi se jitwaqqfu għal ġimgħa peress li qed tistenna lill-Gvern jieħu azzjoni deċiżiva.

Prof. Azzopardi kiteb li jinsab ċert li tista’ tinstab soluzzjoni li tassigura l-protezzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa u ta’ professjonisti oħra fil-qasam, filwaqt li dawn joffru l-aħjar servizz possibbli lil dawk fil-bżonn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn