It-Turkija u pajjiżi oħra sejħu lir-Russja biex twaqqaf l-attakki fuq ribelli Sirjani

It-Turkija u l-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti kontra l-militanti tal-ISIS, sejħu lir-Russja biex twaqqaf l-attakki mill-ajru fuq l-oppożizzjoni Sirjana u minflok tiġġieled lill-militanti Iżlamiċi.
Aktar kmieni din il-gimgħa, l-Istati Uniti akkużat lir-Russja li qed titfa’ l-pitrolju fuq in-nar, wara li l-forzi armati Russi, attakkaw mill-ajru nħawi maħkuma minn ribelli Sirjani.
Dan ftit jiem wara li Putin, appella lill-pajjiżi oħra biex jingħaqdu miegħu u mal-President Sirjan al-Assad fil-ġlieda kontra t-terroristi.
Fi stqarrija mal-Amerka, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, il-Qatar u l-Arabja Sawdija, it-Turkija akkużat lir-Russja li bl-azzjonijiet tagħha qed tgħin biex jiżdied il-fundamentaliżmu.
Mistoqsi minn midja internazzjonali dwar azzjoni militari fis-Sirja, il-Kap tal-Oppożizzjoni Tork, Kemal Kilicdariglu, qal li jekk ikun hemm bżonn, il-partit tiegħu se jaqbel dwar dan. 
It-Turkija diġà wettqet attakki fuq militanti fis-Sirja iżda naqset milli tibgħat truppi fis-Sirja.
Għat-Turkija, il-kunflitt fil-pajjiż ġar qed ikun suġġett jaħraq fi żmien meta l-pajjiż qed iħejji ruħu għal elezzjoni ġenerali x-xahar id-dieħel.